Lokali

Il-patt imxajtan ikompli jaqsam lill-Partit Laburista

Robert Abela se jikkontesta lil Chris Fearne u jiddikjara li mhux lest jipparteċipa f’ebda patt imxajtan

Jekk il-qasma, l-inkwiet u d-diżgwid fil-Partit Laburista u fil-Gvern faqqgħu u ħarġu fil-beraħ fil-laqgħa taħraq tal-Kabinett tal-Gvern ta’ Muscat li ssejħet f’Kastilja u li baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ lejl mimli tensjoni fl-aqwa ħinijiet tal-investigazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn kien qed jissemma l-Eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, il-patt imxajtan li kien qiegħed jinħema fl-aħħar ġranet fil-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Muscat  kompla għarraq is-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Gvern Laburista, kriżi Kostituzzjonali u kriżi fil-Partit Laburista.

F’xenarju li fih kien hemm attentat iddisprat mill-Grupp Parlamentari Laburista biex fis-sigħat li għaddew juru l-appoġġ sħiħ u uniku lid-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne biex tiġi evitata tellieqa u ġlieda taħraq għall-Mexxej tal-Partit Laburista, dan il-pjan kien sfrattat bil-pożizzjoni li ħa d-Deputat Laburista Robert Abela.

“Niddikjara li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija”, qal Robert Abela wara li ħassar il-manuvri koordinati biex dawk fit-tmexxija jżommu l-kontroll assolut tal-partit f’idejhom.

F’messaġġ fuq Facebook, hu qal li l-għaqda tinżamm bl-onestà u l-irġulija u billi timxi bil-korrettezza. “Possibbli li minn dan l-inkwiet, għadna ma tgħallimna xejn?”, stqarr Robert Abela.

Dan kien messaġġ ieħor qawwi mill-Avukat Robert Abela, li kien wieħed mill-akbar kritiċi tat-tmexxija ta’ Muscat u li kien fost l-aktar irrabjat fil-laqgħa mqanqla u taħraq tal-Kabinett li mexxa Muscat f’Kastilja wara r-rienja ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff ta’ Muscat. F’dik il-laqgħa tal-Kabinett, id-Deputat Robert Abela qal lil Joseph Muscat “Dak il-kurnut fottiek”. Ftit wara, Keith Schembri nnifsu ċempel lill-mara ta Robert Abela, Lydia Abela, u qalilha “naf x’qal ir-raġel tiegħek dwari.”

U l-manuvri fil-Partit Laburista u fil-Gvern ta’ Muscat komplew joħorġu fil-beraħ hekk kif sar magħruf li Chris Fearne għandu l-appoġġ tal-eks Ministru Konrad Mizzi. il-mument jista’ jiżvela minn sorsi qrib il-Partit Laburista, li Chris Fearne wiegħed ministeru lil Konrad Mizzi. Din il-mossa, imfissra minn xi wħud qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bħala stramba ħafna u ta’ tħassib kbir, qanqlet diżgwid sħiħ fil-Gvern Laburista u fil-Partit Laburista.

Konrad Mizzi kiteb li “bħalissa huwa mument li l-Partit Laburista jingħaqad bħala forza waħda b’saħħitha u għaldaqstant “nemmen li Chris Fearne biss jista’ jagħmel dan u se nkun qed nappoġjah”.

L-isforzi li kienu qed isiru fl-aħħar jiem biex meta għada t-Tnejn jinfetħu n-nomini għat-Tmexxija tal-Partit Laburista jkun il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li jitfa’ n-nomina biex hekk ma tidhirx il-qasma fil-Partit Laburista, jidher li qed jisfumaw fix-xejn bid-dikjarazzjoni fil-muftuħ li għamel Robert Abela lbieraħ.

Dan id-diżgwid inqala’ minkejja li Miriam Dalli, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, kitbet fuq Facebook li mhix se tkun qed titfa’ n-nomina tagħha għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista – f’dak li ħafna ddiskrivew bħala tentattiv ieħor biex tkun evitata l-ġlieda għat-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit Laburista.

Id-diżgwid u l-paniku fil-Gvern Laburista nfirex ukoll fil-Ministeru tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fejn mill-entratura tal-Ministeru ħareġ għajat, storbju u saħansitra kliem vulgari li laqat l-attenzjoni ta’ kull min kien għaddej mit-triq ewlenija ta’ Triq Merkanti, fil-belt kapitali. Tant l-istaff tad-Deputat Prim Ministru tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni, li ngħalqet minnufih l-antiporta tad-daħla ewlenija tal-Ministeru.