Lokali

Il-Poplu jrid lill-Muscat jitlaq

Il-poplu jrid lill-Muscat jitlaq u dan issa joħroġ biċ-ċar anke minn survey ippubblikat mill-Malta Today, bl-iskandli li fnew lill-Partit Laburista jkomplu jnaqqsu l-appoġġ tal-Gvern Laburista.

Filfatt l-istħarriġ tal-Malta Today jikkonferma li l-Partit Laburista kompla jnaqqas is-sapport tiegħu, biex issa niżel għal 43.1%.

Tnaqqis li jkompli fuq x-xejra indikata wkoll minn stħarriġ tal-Ħadd ta’ qabel, u li sar mit-Torċa. Dan tal-aħħar kien juri li l-Partit Laburista naqqas 6% fl-appoġġ tiegħu, meta mqabbel mal-istħarriġ preċedenti.

Issa, fl-istħarriġ tal-Malta Today jidher li l-aħbar tar-riżenja ta’ Muscat intlaqgħet tajjeb minn dawk li rrispondew dwar jekk qablux mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jirriżenja f’Jannar. Filfatt, jidher li hemm qbil li l-pożizzjoni ta’ Muscat m’għadiex waħda tenibbli.

L-istħarriġ sar wara li  Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirriżenja minn Prim Ministru, iżda se jibqa’ fis-siġġu tal-poter sa nofs Jannar.

Dikjarazzjoni li ġabet kritika, bi kważi l-unions kollha f’pajjiżna, imma wkoll professjonisti u membri tas-soċjetà ċivili jappellaw lil Muscat biex jitlaq immedjatament.

Dan joħroġ ukoll mill-istħarriġ tal-Malta Today li juri li huma diversi n-nies li wkoll iridu lil Muscat jitlaq qabel it-12 ta’ Jannar.

It-tħabbira ta’ Muscat kienet inevitabbli wara l-arrest u interrogazzjonijiet ta’ diversi persuni li kienu jew għadhom jaħdmu f’Kastilja.

Fost dawn Keith Schembri – L-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, l-eks Ministru Konrad Mizzi li hu tant qrib Joseph Muscat Kif ukoll, Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurta personali tal-Prim Ministru.

Magħhom, fl-aħħar sigħat, ingħaqad ukoll Sandro Craus – sindku Laburista tar-Rabat li nkixef minn Melvin Theuma bħala l-persuna li sejjaħlu f’Kastilja, biex jiltaqa’ ma’ Keith Schembri, u eventwalment ikkomunikalu li se jingħata xogħol li għalih qatt m’attenda imma tħallas b’erba’ ċekkijiet.