Futbol Sport

Jamie Vardy l-eroj fit-tmien rebħa konsekuttiva ta’ Leicester

(Ritratt: Premier League)

L-attakkant prolifiku Ingliż Jamie Vardy skorja darbtejn fir-rebħa ta’ Leicester City fuq Aston Villa bl-iskor ta’ 4-1, bil-Foxes iwaqqfu rekord għall-itwal sekwenza ta’ rebħ (tmien logħbiet konsekuttivi) li huma qatt kisbu fil-Premier League. B’hekk ukoll il-Foxes żammew ħajjin it-tamiet li jisfidaw lil Liverpool, il-leaders attwali tal-Premier League, li għandhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq it-tim immexxi minn Brendan Rodgers.

Leicester City kienu kliniċi għall-aħħar kontra l-Villains, li minkejja li kienu f’darhom, ma setgħux ilaħħqu mal-veloċità tal-avversarji li marru fil-vantaġġ minn Vardy wara 20 minuta. Kelechi Iheanacho, li pprovda l-assist għall-ewwel gowl, irdoppja tard fit-taqsima (41) u qabel il-mistrieħ, Villa irnexxielhom inaqqsu d-distakk minn Jack Grealish li x-xutt qawwi tiegħu spiċċa fir-rokna tax-xibka. Madankollu, il-Foxes komplew juru s-superjorità tagħhom fit-tieni 45 minuta, b’Jonny Evans jiskorja bir-ras minn korner fid-49 minuta u bl-aħħar kelma f’din ir-rebħa impressjonanti tkun ta’ Vardy, li kwarta mit-tmiem, għeleb lill-gowlkiper Heaton għar-raba’ darba.

Id-difensur ta’ Newcastle United, Federico Fernandez kien strumentali fir-rebħa ta’ 2-1, tal-Geordies kontra Southampton f’St James Park u meta t-tim tiegħu kellu jirkupra minn distakk li kien sofra kmieni fit-tieni taqsima. L-ewwel taqsima kienet pjuttost nieqsa mill-azzjonijiet iżda t-tieni 45 minuta pproduċew tliet gowls, b’Danny Ings jiftaħ il-kont għal Southampton (b’din tkun il-ħames logħba konsekuttiva fejn hu sab ix-xibka għas-Saints).

Newcastle, minn dak il-ħin, wettqu reazzjoni determinata, b’Jonjo Shelvey jikseb parità b’daqqa ta’ ras fit-68 minuta u bil-gowl deċiżiv jasal tliet minuti mit-tmiem, meta Fernandez spara ġewwa r-rebound wara li l-gowlkiper McCarthy, kien salva parzjalment it-tentattiv ta’ Longstaff.

Sheffield United ukoll spiċċaw idawru telfa f’rebħa għall-ispejjeż ta’ Norwich City, b’dan is-suċċess, f’Carrow Road, ikun l-ewwel wieħed għall-Blades fl-aħħar ħames konfronti fil-kampjonat. Kien Alex Tettey li poġġa lill-Canaries fil-vantaġġ wara nofs-siegħa iżda Sheffield dawru kollox fit-tieni taqsima, b’Enda Stevens jagħmilhom 1-1 fid-49 minuta fuq xogħol tajjeb ta’ George Baldock u bl-istess Baldock, tliet minuti wara jiskorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta dar fil-kaxxa u għeleb mill-ġdid lil Tim Krul b’xutt imprendibbli.

Intant u għall-ewwel darba fl-istorja tal-Premier League – il-VAR ħassret it-tkeċċija ta’ plejer, f’dan il-każ tad-difensur tal-Blades, Chris Basham, wara li hu kien intwera ħamra diretta għal fawl fuq Kenny McLean. Il-VAR, imbagħad, biddlet id-deċiżjoni tar-referee u Basham minflok spiċċa muri s-safra.

Brighton and Hove Albion u Wolves spiċċaw fi draw ta’ 2-2 fl-Amex Stadium meta tal-aħħar issa ilhom ma jitilfu fil-kampjonat għal dawn l-aħħar ħdax-il logħba. Il-gowls kollha waslu fl-ewwel taqsima b’Jota ipoġġi lil Wolves fil-vantaġġ fit-28 minuta u b’Maupay u Propper idawru r-riżultat fi spazju ta’ żewġ minuti fl-34 u fis-36 minuta. Intant, Wolves salvaw il-punt eżatt qabel il-mistrieħ meta Jonny approfitta minn żball difensiv u sab lil Jota li mill-ġdid sab ir-rokna tax-xibka.