Lokali

Keith Schembri arrestat mill-ġdid

Ritratt: MaltaToday

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta max-xhieda li ta fil-Qorti l-intermedjarju Melvin Theuma dwar l-impjieg falz li ngħata mal-Gvern.

Dan wara li l-Ħadd filgħodu Keith Schembri kien imsejjaħ mill-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi sabiex kien interrogat, fejn mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li tteħditlu wkoll stqarrija.

Tul il-ġurnata tas-Sibt, Keith tal-Kasco kien ġie interrogat mill-Pulizija dwar l-allegat sehem li kellu fl-impjieg finta li ngħata lil Melvin Theuma – l-allegat sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri, li serva bħala l-id il-leminija ta’ Muscat ‘il fuq minn sitt snin, huwa fost il-persuni li fl-aħħar sigħat il-Pulizija tkellmu magħhom bħala parti mill-investigazzjoni sussegwenti għax-xhieda li ta Theuma fil-Qorti.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li Keith Schembri qed jiġi implikat bħala l-persuna li għamlet pressjoni sabiex Theuma jingħata l-impjieg mal-Gvern f’Mejju tal-2017 – impjieg li kien itterminat xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali.

Il-ġurnal The Malta Independent on Sunday żvela li tant kemm hemm trufijiet f’dan il-każ rigward Keith Schembri li diversi sezzjonijiet tal-Pulizija ngħaqdu bil-għan li jinvestigaw il-bniedem li mexxa lil Joseph Muscat tul dawn is-snin.

Huwa mifhum li t-Taqsima tar-Reati Ekonomici, id-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, l-FIAU, is-Servizzi Sigrieti Maltin kif ukoll il-Europol għaddejjin b’ħidma sfieqa wara l-allegazzjonijiet li nstemgħu fix-xhieda ta’ Melvin Theuma kif ukoll tan-negozjant Yorgen Fenech fl-aħar jiem.