Lokali

“Ma nistgħux inħallu din is-sitwazzjoni tkaxkar lanqas għal ġurnata waħda oħra” – il-President Emeritus

Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca ngħaqdet mal-kor ta’ persuni, għaqdiet tas-soċjeta ċivili, unions u professjonisti li qed jitolbu soluzzjoni mmedjata, u mhux f’Jannar, għall-kriżi li għaddej minnha pajjiżna.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali hi ddikjarat li “ma nistgħux inħallu din is-sitwazzjoni perikoluża tkaxkar aktar, lanqas għal ġurnata waħda oħra biss. Dan huwa żmien fejn il-politiċi jridu jħallu l-interess personali fil-ġenb, u nibdew proċess ta’ fejqan immedjatament, taħt it-tmexxija ta’ persuna li għandha l-kredenzjali li toħroġ lil pajjiżna minn din il-kriżi.”

Għalkemm ma semmitux b’ismu, il-messaġġ jidher ċar fil-konfront ta’ Joseph Muscat li għażel li jtawwal il-kriżi politika sat-12 ta’ Jannar.

Hi kitbet ukoll li “kull min hu minsus, minn dawn il-ġrajjiet tal-waħx, għandhom iwarrbu minnufih, biex nerġgħu insibu s-serenita’ bħala poplu u fuq kollox biex jibda x-xogħol li hemm bżonn isir biex nerġgħu niksbu r-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna.”

Dan waqt li akkużat lil dawk involut li serqulna l-identita Maltija u ddeskriviet lil uħud mill-politiċi bħala “l-paljazza tar-razza.”