Lokali

Eluf jipprotestaw fil-Belt Valletta: Appell biex Joseph Muscat jitlaq minnufih

Għal darb’oħra il-poplu Malti reġa’ ngħaqad bl-eluf biex isemma leħnu kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u favur il-ġustizzja.

Dan fid-dawl tal-aħħar żviluppi relatati mal-investigazzjonijiet fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Cariana Galizia – u wara li sar magħruf li Joseph Muscat se jibqa’ granfat mas-siġġu tal-poter sa Jannar li ġej.

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin ħonqu l-belt kapitali l-Ħadd waranofsinhar jitolbu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Laburista, bl-iskop li ssir il-ġustizzja wara l-kriżi politika li daħħalna fiha.

Il-protesta tas-soċjetà ċivili, organizzata minn Repubblika u Occupy Justice, bdiet għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar minn quddiem il-binja tal-Parlament fid-daħla tal-Belt sa quddiem Kastilja, bil-poplu Malti jsemma’ leħnu b’vuċi qawwija favur il-verità.

Andre Callus mill-Moviment Graffiti qal li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ fit-tmun, u li dan iż-żmien li jibqa’ fit-tmexxija huwa kollu ħin moħli għal pajjiżna.

Huwa qal li dan il-livell ta’ “żibel tossiku” qatt ma immaġinah. 

Callus sejjaħ dan il-perjodu fl-istorja ta’ pajjiżna bħala “kapitlu tal-waħx”.  

Huwa qal li l-għeruq tal-għawġ huma kbar, u għalexjn noqgħodu niftaħru bit-tkabbir ekonomiku, għax dan mhux biżżejjed. 

Callus appella biex il-poplu jingħata dak li hu tiegħu; il-ġustizzja u l-verità.

Persuna trans appellat biex ukoll issir ġustizzja, u qalet li mhux ġust li l-Gvern Laburista qed jipprova jirkeb il-karru tad-drittijiet ċivili biex jipprova ma jaqax aktar fil-baxx. 

Meta jkun hawn dell ikrah fuq il-pajjiż, Muscat juża u jirkeb il-karu tad-drittijiet ċivili biex jipprova jidher ħelu”

Pace saħaq li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat m’għadhiex tenibbli u jrid jirriżenja minnufih.

Huwa qal li f’pajjiżna ngħatgħu d-drittijiet ċivili iżda ttieħdu drittijiet tal-ħajja, b’referenza għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.  

Pace qal li huwa persuna li kien isejjaħ lilu nnifsu Laburista, iżda f’dan l-iżvilupp tal-aħħar ma jistax ma jsejjaħx għar-riżenja ta’ Joseph Muscat.

Fid-diskors tiegħu Norman ta’ ħarsa lejn dak li ħareġ mill-Qorti fl-aħħar jiem fix-xhieda ta’ Melvin Theuma, u anki f’dak li ġara fl-aħħar sentejn.  Huwa saqsa x’sar minnhom iż-żrar fiż-żarbun ta’ Joseph Muscat, għax s’issa għadu ma qal xejn li ma konniex nafu.

Huwa qal li flus il-poplu ntefqu biex isir l-assassinju ta’ Daphne Carauna Galizia, waqt li miljun ewro ngħataw lit-tliet qattiela li bħalissa jinsabu l-ħabs.

Pajjiżna qed jara stejjer tal-waħx, tal-mafja, assassinju politiku li jorbot post wieħed, kastilja, il-binja ta’ Joseph Muscat”

Huwa qal li Pjazza Kastilja, il-poplu Malti qed jistennew kontabbilità. Vella qal li Caruana Galizia mietet maqtula, martri, għax kienet taf bil-korruzzjoni li ħakmet il-Kastilja. 

Lousielle Vassallo qalet li l-Gvern qed jappella għas-serenità u l-prudenza, daqs li kieku l-poplu ma ħaqqux  jipprotesta.

Hija qalet li bħalissa d-deputati Laburista għażlu li jdawru ħarsithom lil hinn minn dak li qed jiġri fil-Gvern Laburista.

Vassallo qalet li d-deputati jridu jaqtgħu l-metafori, u jitkellmu ċar u tond u jgħidu li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Joseph Mucat m’għadhiex waħda tenibbli. Hija appellat b’diskors imqanqal li għall-ġid ta’ Malta Muscat jrid jirriżenja minnufih. 

Manuel Delia qal li huwa tal-mistħija li l-Ħadd filgħodu rajna partitarji Laburista jitbissmu u jifirħu meta pajjiżna għaddej minn dan il-mument diffiċli. 

Delia qal li s-sitwazzjoni mhux normali, u flok għandna Gvern qisu business as usual. 

Huwa qal li f’Kastilja ġrat xi ħaga tal-biża’ u l-Gvern Laburista ma jridx jgħid dak li seħħ, dak li ġara. Delia qal li l-Partit Laburista moħħu biss fil-Partit tiegħu u mhux iħares l-interess ta’ Malta. 

Malta mhiex ta’ Joseph Muscat u lanqas tal-Mafja, Malta hija tal-Maltin u l-Għawdxin”

Huwa qal li Joseph Muscat huwa aġent tal-mafja li jrid li ma jinbidel xejn wara t-tluq tiegħu. Delia qal li Joseph Muscat jrid jitlob skuża lill-familja ta’ Caruana Galizia u lill-poplu Malti. 

Preżenti għal din il-protesta nazzjonali kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll diversi Deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Għal darb’oħra f’din il-protesta spikkat il-preżenza taż-żgħażagħ u l-istudenti.