Futbol Sport

Rebħa importanti għal Milan u Brescia jirbħu fir-ritorn ta’ Corini bħala kowċ

(Ritratt: EPA)

Wara li għelbu lil Parma l-ġimgħa l-oħra, Milan kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva barra minn darhom meta din id-darba għelbu lil Bologna 3-2. Torino kisbu rebħa importanti kontra Fiorentina biex ukoll telgħu mal-ewwel nofs tal-klassifika. Brescia rritornaw għar-rebħ wara sitt telfiet konsekuttivi, f’dak li kien ukoll ir-ritorn ta’ Eugenio Corini bħala kowċ.

BOLOGNA – Milan kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Bologna 3-2 fi Stadio Renato Dall’Ara. KRZYSZTOF PIATEK fetaħ l-iskor minn penalty wara kwarta u THEO HERNANDEZ irdoppja fit-32 minuta wara li rċieva passaġġ preċiż ta’ Suso. Inċidentalment l-istess Hernandez daħħal lil Bologna fil-logħba fl-40 minuta wara li kkommetta awto-gowl iżda mal-ftuħ tat-tieni taqsima, GIACOMO BONAVENTURA għamel l-iskor 3-1 b’xutt għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali. Bologna daħlu fil-logħba fit-83 minuta minn penalty ta’ NICOLA SANSONE iżda ma sabux il-gowl tad-draw.

LECCE – Lecce rkupraw żvantaġġ doppju f’Via del Mare u kisbu punt importanti f’konfront dirett kontra Genoa. GORAN PANDEV fetaħ l-iskor fil-31 minuta meta ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Rafael u minn madwar 40 metru qabbeż fuq il-gowlkiper ta’ Lecce. L-iskor sar 2-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ penalty ta’ DOMENICO CRISCITO. FILIPPO FALCO naqqas id-distakk mas-siegħa logħob b’xutt għar-rokna minn pożizzjoni angolata. Genoa kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fid-69 minuta meta ġie muri t-tieni karta safra Kevin Agudelo. Ftit sekondi wara, Lecce ġabu d-draw b’daqqa ta’ ras ta’ ANDREA TABANELLI.

TURIN – Torino kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta fi Stadio Olimpico ta’ Turin rebħu 2-1 kontra Fiorentina. SIMONE ZAZA fetaħ l-iskor fit-22 minuta b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira wara kross mix-xellug u CRISTIAN ANSALDI rdoppja fit-72 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. MARTIN CACERES naqqas id-distakk lejn it-tmiem wara kross ta’ Federico Chiesa.

FERRARA – Brescia kisbu rebħa fondamentali ta’ 1-0 fi Stadio Paolo Mazza kontra Spal. Dan kien ir-ritorn ta’ Eugenio Corini bħala kowċ tat-tim wara li fl-aħħar tliet logħbiet kien Fabio Grosso li mexxa t-tim. Il-gowl li għenhom biex jirritornaw għar-rebħ wara tant żmien wasal fl-54 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ MARIO BALOTELLI.

SASSUOLO – Cagliari wettqu rimonta biex evitaw telfa fil-Mapei Stadium fi draw ta’ 2-2 kontra Sassuolo. DOMENICO BERARDI fetaħ l-iskor wara seba’ minuti minn kontrattakk u FILIP DJURICIC irdoppja fis-36 minuta wara li rċieva kross mil-lemin. JOAO PEDRO skorja l-10 gowl fil-kampjonat biex naqqas id-distakk b’daqqa ta’ ras fil-51 minuta u DANIELE RAGATZU ġab id-draw fid-90 minuta.

GENOVA – Parma telgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika meta fi Stadio Marassi għelbu barra minn darhom lil Sampdoria 1-0. Il-gowl li spiċċa fired liż-żewġ timijiet wasal fil-21 minuta meta minn korner mix-xellug, JURAJ KUCKA skorja b’daqqa ta’ ras.