Futbol Sport

Rebħa meritata għal Sirens iżda r-riżultat finali hu ftit kiefer mat-Tarxiniżi

Rapport: Stewart Said

TARXIEN RAINBOWS…….. 0

SIRENS…………………………. 3

Tarxien: R. Briffa, B. Muscat, M. Botta, G. Camilleri, T. Veronese, M. Stanojevic, P. Kanzurov (A. Tenorio 53’), M. Ciantar, A. Azzopardi, A. Andrejic (D. Vassallo 85’), D. Mambouana (N. Portelli 66’)

Sirens: D. Cassar, R. Romao, D. Sant, A. Borg, T. Espindola, R. Grech, I. Adeshina (L. Sciberras 89’), W. de Oliveira (R. Fenech 85’), R. Memezes, E. Okoye, Y. Yao Tagro (S. Eddin Arab 82’)

Imwissija: R. Grech 27’, F. Cheveresan 70’ (S), M. Ciantar 49’, A. Andrejic 52’, T. Veronese 58’, A. Tenorio 90’ (T)

Skorjaw: R. Memezes 14’, 60’ pen, E. Okoye 63’ (S)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Chris Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ige Adeshina (Sirens)

BOV Plejer tal-logħba: Romario Memezes (Sirens)

Sirens ħallew lil Tarxien Rainbows mingħajr punt hekk kif komplew il-kampjonat pożittiv b’rebħa ta’ 3-0. Għalkemm ir-rebħa kienet meritata għal Sirens, l-iskor finali seta’ jqarraq hekk kif Tarxien kienu fil-logħba sew sat-tieni gowl.

Il-kowċ ta’ Tarxien Demis Scerri għażel li jibda b’Destin Mambouana fl-attakk, deċiżjoni mhux solita hekk kif Mambouana hu magħruf bħala difensur. It-Tarxiniżi appellaw għal aktar minn darba għal penalty filwaqt li kien dubju dwar l-ewwel gowl jekk il-ballun ħariġx barra qabel il-kross deċiżiv. Veru li l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.

Tarxien ħolqu l-ewwel tentattiv tagħhom wara disa’ minuti bi free-kick fil-baxx ta’ Aleksa Andrejic li għadda ftit barra. Sirens fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom fl-14-il minuta. Kien ballun fit-tul fuq in-naħa leminija lejn Romeu Romao li b’dubju jekk il-ballun qabiżx il-linja, tefa’ kross għan-nofs lejn l-iżmarkat  ROMARIO MEMEZES li b’konklużjoni mill-ewwel għeleb lil Rudy Briffa.

Ir-reazzjoni ta’ Tarxien waslet fil-21 minuta b’azzjoni personali ta’ Andrejic, bix-xutt finali ġie salvat minn David Cassar. Tmien minuti wara, free-kick ta’ Destin Mambouana għadda ftit għoli.

Tarxien appellaw għal penalty fid-49 minuta meta xutt ta’ Ayrton Azzopardi deher jaħbat ma’ id Adrian Borg iżda r-referee Petrovic ħalla l-logħob għaddej. Sitt minuti wara, Andrejic prova b’daqqa ta’ ras minn kross ta’ Miguel Ciantar iżda l-konklużjoni kienet salvat minn David Cassar.

Sirens appellaw għal penalty żewġ minuti wara meta Ciantar allegatament waqqaf il-ballun ta’ Romao b’idu fil-kaxxa iżda l-logħba kompla għaddej. Iżda Sirens ingħataw penalty ftit wara meta twaqqa’ fil-kaxxa Wellington de Oliveira. Mill-11-il metru ROMARIO MEMEZES għeleb faċilment lil Briffa.

Sirens serrħu rashom mit-tliet punti fit-63 minuta b’xutt ta’ Wellington de Oliveira li ġie salvat parzjalment minn Briffa, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ EMMANUEL OKOYE li xeħet mill-viċin.

Tarxien pruvaw inaqqsu d-distakk fit-72 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Andrejic li ġiegħel lil Cassar isalva b’diffikultà. Sirens marru qrib ir-raba’ gowl fil-81 minuta b’Rudy Briffa jkun strumentali meta l-ewwel salva xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Romao u mir-rebound dawwar f’korner xutt ta’ Ige Adeshina.