Internazzjonali

Renju Unit: L-aħħar spinta ta’ impenji għall-partiti qabel l-elezzjoni

Il-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin tar-Renju Unit qed ikomplu joħorġu l-wiegħdiet elettorali lill-votanti, meta l-kampanja qed tavviċina t-tmiem u bil-poplu qed iħejji biex jivvota fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis.

Il-Prim Ministru u Kap Konservattiv Boris Johnson, qal, permezz ta’ ittra miftuħa, li l-elezzjoni li jmiss se tkun ‘waħda storika’ minbarra li tipprovdi cans lill-pajjiż biex ‘jimxi ‘il quddiem’ wara l-Brexit.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, tenna li għandu ‘l-aktar pjan ambizzjuż għall-bidliet fir-Renju Unit li qatt tressaq għal għexieren ta’ snin’.

Fil-preżent, il-kandidati tal-partiti rispettivi qegħdin jivvjaġġaw madwar ir-Renju Unit biex iwasslu l-messaġġi elettorali u fejn spikkaw numru ta’ wiegħdiet partikulari.

Il-Partit Konservattiv qed iwiegħed biex jintroduċi sistema tal-immigrazzjoni bażata fuq il-punti (fuq stil Awstraljan) bil-għan li l-pajjiż ‘jikkontrolla’ l-influss ta’ immigranti li ma għandhomx sengħa.

Il-Laburisti, imbagħad, qed jippjanaw ‘biex irażżnu l-kriżi fil-qasam tal-kura soċjali’ permezz ta’ sistema għall-kura personali b’xejn għall-anzjani fl-Ingilterra. Dan flimkien ma’ fondi addizzjonali ta’ għaxar biljun Sterlina, sal-2023-24.

Il-Partit Liberali Demokratiku, li qed jinsisti biex ir-Renju Unit jibqa’ jifforma parti mill-Unjoni Ewropea, qed jippromwovi ‘programm għat-tkattir tar-reġjuni’ li jippermetti għall-investiment ta’ 50 biljun Sterlina fl-infrastruttura barra Londra.

Sadanittant, il-Kap tas-Scottish National Party (SNP), Nocola Sturgeon, qed twissi li l-futur tal-Iskozja jiddependi mir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis. Hi appellat lill-votanti biex ‘jevitaw il-Brexit, filwaqt li jipproteġu lis-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali u jaċċertaw li l-futur tal-Iskozja ikun deċiż proprju mill-Iskoċċiżi’.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit tal-Brexit, Nigel Farage, qal li l-partit tiegħu għandu jibdel ismu għall-‘Partit tar-Riforma’ wara li r-Renju Unit ikun telaq mill-UE.

Hu kompla li l-partit se jaħdem għall-bidliet fis-sistema tal-votazzjoni fir-Renju Unit u biex ‘jibdel il-politika darba għal dejjem’. Farage spjega li l-partit tiegħu se jistinka wkoll biex jispiċċa l-House of Lords li l-membri tiegħu jinħatru mir-Reġina inkella jieħdu posthom f’din l-istituzzjoni fuq il-parir tal-Prim Ministru Britanniku.