Internazzjonali

Tħassib dwar ‘prova ferm importanti’ mill-Korea komunista

Il-Korea ta’ Fuq qalet li wettqet ‘prova mill-aktar importanti’ f’sit li qed jintuża biex jittellgħu s-satelliti.

Intant, ir-rapport qed iqanqal tħassib fost l-osservaturi tal-Istat komunista, bil-media tal-Korea ta’ Fuq issostni — mingħajr ma pprovdiet id-dettalji — li r-riżultati tal-prova se jintużaw biex itejjbu ‘l-istatus strateġiku tal-pajjiż’. L-analisti jemmnu, fl-istess ħin, li l-prova setgħet kienet tinvolvi magna li tixpruna satellite launcher inkella missila ballistika interkontinentali.

Il-prova tista’ tkun anki sinifikanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Dan wara li r-reġim komunista fi Pyongyang qed jidher li ‘għalaq il-bieb’ għal aktar taħditiet mal-Istati Uniti.

Fil-fatt, stqarrija mingħand ir-Rappreżentant tal-Korea ta’ Fuq għan-Nazzjonijiet Uniti, Kim Song, qalet li ‘il-Korea ta’ Fuq, fil-preżent, mgħandhiex bżonn ku tidħol għal taħditiet fit-tul ma’ Washington meta Pyongyang mgħadux qed jikkunsidra l-kunċett tad-denuklearizzazzjoni ( fil-penisola Korena) bħala suġġett għan-negozjati’.

Il-Korea ta’ Fuq, qabel, kienet imponiet deadline sal-aħħar tas-sena biex l-Istati Uniti tressaq ftehim ġdid għad-denuklearizzazzjoni li kellu wkoll jipprovdi skema għal tnaqqis sinifikanti ta’ sanzjonijjiet għall-Istat komunista.

Il-messaġġ kien li l-Korea ta’ Fuq ‘għandha tkun lesta biex taqbad direzzjoni oħra’ f’każ li dan ma jseħħx, madankollu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, għadu jittama li jidħol fi ftehim ma’ Pyongyang.