Sport Sport Ieħor

Tliet rebħiet għal Noel Baldacchino

Bixente misjuq minn Rodney Gatt jegħleb l-isfida ta' Ulisse d'Asolo misjuq minn Marco Debono (Ritratt: Mike Orland)

Rapport: Kenneth Vella

Misjuq minn Rodney Gatt, il-Franċiż Bixente rebaħ it-tiġrija ewlenija li saret ilbieraħ waranofsinhar fil-korsa tal-Marsa. Din kienet riservata għal żwiemel tal-klassi Premier fuq distanza ta’ mil u għamlet parti mid-59 laqgħa tal-istaġun fuq għaxar tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott, kollha wkoll fuq distanza qasira. Matulha, Noel Baldacchino temm l-aħjar sewwieq bi tliet rebħiet.

Tlettax-il żiemel ħadu sehem fit-tiġrija tal-ogħla klassi. Kien Touch Green (Jesmar Gafà) l-aktar żiemel b’saħħtu wara l-karozza tat-tluq u matul l-ewwel metri fetaħ vantaġġ żgħir minn Bixente (Rodney Gatt) u Ulisse d’Asolo (Marco Debono). Madankollu, 300 metru mil-linja finali, Touch Green beda jnaqqas mill-ġiri u fl-aħħar metri nqabeż minn Bixente li ħa t-tielet rebħa fi xtutna u t-tieni waħda konsekuttiva minn Ulisse d’Asolo. Il-ġdida Olandiża Dayenne Lane (Carmelo Farrugia) temmet it-tielet b’Touch Green ikollu jikkuntenta bir-raba’ pożizzjoni.

Il-laqgħa nkludiet ukoll tliet tiġrijiet tal-klassi Gold. Fl-ewwel waħda, ukoll fuq distanza ta’ mil, Thoury Le King (Michael Ellul) li okkupa l-ewwel pożizzjoni għal parti twila tad-distanza, ċeda kollox f’nofs id-dritta finali meta nqabeż minn G.G.’s Magic Dream (Noel Baldacchino) li ħa t-tielet rebħa staġjonali minn Uranus Trepol (Joseph Cassar) u Best Of Sly (Charles Camilleri).

Eurythmic Sisu (Anthony Zammit) ħasad lill-kumplament taż-żwiemel matul l-aħħar 300 metru tat-tieni tiġrija mill-istess klassi. Dan mar quddiem f’nofs id-dritta finali biex irreġistra t-tieni rebħa konsekuttiva u f’Malta minn Remain Garbo (Charles Camilleri), Oliwer Hip (Noel Baldacchino) u Picasso Tilly (Dunstan Bugeja).

Fit-tielet u l-aħħar tiġrija Gold kien hemm dwell interessanti fid-dritta finali bejn Viking De L’Ormeau (Jesmar Gafà) u l-ġdid Franċiż Campeone Vas (Melvin Farrugia). Kien tal-ewwel li ħa l-ewwel rebħa f’pajjiżna, bid-debuttanta Ġermaniża Barbarella (Rodney Gatt) u U Two Swing (Clifferty Calleja) itemmu warajhom f’dik l-ordni.

Noel Baldacchino)

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Copper. Dist – 1640m. 1. Drakkar Cleville (K. Saliba) Ħin – 2.04.7” (1.16”) 2. Eclat Du Jas (J. Zahra) 3. Alexis Le Grand (P. Galea) 4. Eliot De Corday (N. Baldacchino)

II Tiġrija Klassi Copper. Dist – 1640m. 1. Enjos TS (S. Vassallo) Ħin – 2.05.4” (1.16.5”) 2. Calife Aimef (T. Tanti) 3. Diane Royale (C. Camilleri) 4. Baby Oaks (R. Schembri)

III Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 1640m. 1. Sabacan Savage (Sh. Portelli) Ħin – 2.03.1” (1.15”) 2. Runway (Ch. Degiorgio) 3. Cabri Du Boulay (F. Tanti) 4. Livi Import (C. Camilleri)

IV Tiġrija Klassi Bronze. Dist – 1640m. 1. Eros Dairpet (N. Baldacchino) Ħin – 2.02.5” (1.14.7”) 2. Atomic Julian (A. Cassar) 3. First Express (M. Desira) 4. Va Tout Gede (A. Farrugia)

V Tiġrija Klassi Silver. Dist – 1640m. 1. Look Twice (K. Galea) Ħin – 2.02.6” (1.14.8”) 2. Albatros Rainbow (M. Ellul) 3. Boko Won (C. Calleja) 4. Bright De Banville (C. Vassallo)

VI Tiġrija Klassi Gold. Dist – 1640m. 1. G.G’s Magic Dream (N. Baldacchino) Ħin – 1.59.7” (1.13”) 2. Uranus Trepol (J. Cassar) 3. Best Of Sly (C. Camilleri) 4. Thoury Le King (M. Ellul)

VII Tiġrija Klassi Silver. Dist – 1640m. 1. Get Lucky Pellini (N. Baldacchino) Ħin 2.00.8” (1.13.7”) 2. Made Ave Maria (C. Refalo) 3. Mikado Amok (J. Vassallo) – Ubu Du Metz (C. Camilleri)

VIII Tiġrija Klassi Gold. Dist – 1640m. 1. Eurythmic Sisu (A. Zammit) Ħin – 2.02.4” (1.14.7”) 2. Remain Garbo (C. Camilleri) 3. Oliwer Hip (N. Baldacchino) 4. Picasso Tilly (D. Bugeja)

IX Tiġrija Klassi Premier. Dist – 1640m. 1. Bixente (R. Gatt) Ħin – 2.03” 
(1.15”) 2. Ulisse d’Asolo (M. Debono) 3. Dayenne Lane (C. Farrugia) 4. Touch Green (J. Gafa’)

X Tiġrija Klassi Gold. Dist – 1640m. 1. Viking De L’Ormeau (J. Gafà) Ħin – (NTR) 2. Campeone Vas (M. Farrugia) 3. Barabarella (R. Gatt) 4. U Two Swing (C. Calleja)