Futbol Sport

Valletta u Hibernians jispiċċaw fi draw ġust iżda li ma jikkuntenta lil ħadd

Rapport: Stewart Said

VALLETTA……………… 1

HIBERNIANS………….. 1

Valletta: H. Bonello, S. Borg, J. Caruana (R. Caruana 90’), J. Borg, E. Pena Beltre, I. Dzaria, R. Muscat, J. Zerafa (K. Tulimieri 76’), M. Piciollo, M. Fontanella, K. Nwoko (B. Kaljevic 72’)

Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong, A. Agius, F. Apap, G. Artiles, L. da Silveira, D. Vella, B. Kristensen, J. Grech (J. Wemmer 89’), L. Nanni (J. Degabriele 79’), I. Iriberri (T. Groothusen 79’)

Imwissija: S. Borg 30’ (V), L. Nanni 30’, G. Artiles 64’ (H)

Skorjaw: M. Fontanella 42’ (V), L. Nanni 63’ (H)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Enmy Pena Beltre (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Matteo Piciollo (Valletta)

Attendenza: 2238

Valletta u Hibernians ħadu punt kull wieħed f’partita missielta iżda bilanċjata. Dan id-draw ma jikkuntenta l-ebda tim u anzi huma Floriana u Gżira United li approfittaw minn dan ir-riżultat.

Fl-ewwel taqsima, Valletta kellhom aktar l-inizjattiva u l-pusess filwaqt li Hibernians bdew joperaw bil-kontrattakk, għalkemm bdew ikunu perikolużi meta bdew jattakkaw. Fit-tieni taqsima, l-andament inbidel hekk kif Valletta ma baqgħux jikkombinaw fl-attakk kif kienu qed jagħmlu fl-ewwel 45 minuta. Hibernians rebħu aktar metri fil-pitch u bdew ikunu aktar perikolużi.

Il-kowċ ta’ Hibernians Stefano Sanderra għamel biss bidla mir-rebħa kontra Balzan hekk kif irritorna l-gowlkiper Marko Jovicic flok Matthew Calleja Cremona. Bidla wkoll għal Valletta mir-rebħa kontra Mosta, b’Joseph Zerafa jirritorna fuq ix-xellug u beda flok Ryan Camilleri, b’Jean Borg jibda f’pożizzjoni ċentrali fid-difiża.

Valletta ħarġu aħjar mill-avversarji iżda kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża wara seba’ minuti b’passaġġ ta’ Bjorn Kristensen lejn Dunstan Vella, bix-xutt tal-aħħar jgħaddi ftit għoli. Il-Beltin bdew jersqu aktar lejn il-lasta ta’ Jovicic u fis-17-il minuta seta’ jkollhom azzjoni perikoluża b’xutt b’saħħtu ta’ Joseph Zerafa ġie mblokkat f’korner. Minuta wara xutt ta’ Matteo Piciollo barra l-kaxxa għadda barra.

Hibernians qrib il-gowl tal-vantaġġ fit-28 minuta. F’kontrattakk, Jake Grech spiċċa f’pożizzjoni tajba ċentralment, ix-xutt tiegħu ġie mxellef u spiċċa fuq in-naħa xellugija għan Imanol Iriberri, iżda x-xutt tiegħu ġie salvat b’mod brillanti minn saqajn Henry Bonello.

Valletta fetħu l-iskor fit-42 minuta f’azzjoni mill-isbaħ meta Enmy Pena Beltre qassam lejn Matteo Piciollo li fl-arja kompla mill-ewwel b’intelliġenza b’passaġġ wara d-difiża Pawlista, b’MARIO FONTANELLA javvanza u b’xutt fil-baxx għeleb lil Marko Jovicic.

Hibernians setgħu ġabu d-draw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Joseph Mbong tefa’ kross preċiż lejn Andrei Agius li għeleb in-nasba tal-offside, iżda x-xutt tiegħu minn qagħda tajba, kien blokkat bi bravura f’korner minn Bonello. Mill-korner sussegwenti, daqqa ta’ ras ta’ Dunstan Vella għaddiet ċentimetri.

Hibernians ħarġu aħjar fit-tieni taqsima hekk kif beda jkollhom aktar pussess tal-ballun. Huma ġabu d-draw fit-63 minuta bi kross min-nofs ta’ Gabriel Artiles fuq il-lemin lejn LEONARDO NANNI li stenna l-ballun jinżel u b’xutt mill-ewwel bil-lemin, għeleb lil Bonello.

Valletta ma reġgħux ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u ma bdewx jimpenjaw lil Jovicic. Kienu Hibernians li kwarta mit-tmiem ħolqu okkażjoni oħra b’azzjoni fuq il-lemin ta’ Mbong lejn Jake Grech, b’tal-aħħar jimpenja lil Bonello li kien attent u dawwar f’korner.

Tmien minuti wara, is-sostitut Jurgen Degabriele prova b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata li Bonello salva. Fl-aħħar minuti, iż-żewġ timijiet pruvaw ifittxu l-gowl tar-rebħa mingħajr ma jiżbilanċjaw ruħhom iżda ma rnexxielhomx isibu l-gowl tar-rebħa.