Lokali

Wara x-xogħol finta lil Melvin Theuma … Sandro Craus ifarfar fuq ta’ fuqu

Is-Sindku Laburista tar-Rabat, Sandro Craus, waħħal f’ta’ fuqu meta mistoqsi dwar il-post tax-xogħol finta li Melvin Theuma ngħata minn Kastilja.

Kien Melvin Theuma li, f’xhieda ġuramentata, iddikjara li sejħulu minn Kastilja fejn iltaqa’ ma’ Keith Schembri, offrielu kafe u tah tour mal-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Wara, għaddewh għand Sandro Craus, l-assistent ta’ Joseph Muscat u Sindku Laburista, li qallu li kien se jingħata xogħol mal-Gvern.

F’konferma ta’ dak li qal Theuma, jiġifieri li hu ma talab l-ebda impjieg tant li qatt ma mar għalih, iżda tħallas xorta, Craus iddikjara li “ma kienx xi każ soċjali ta’ xi ħadd li vera kien fil-bżonn.”

U waqt li fl-aħħar sigħat il-Pulizija sejħu lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, biex ikun mistoqsi dwar dan l-impjieg, Sandro Craus jiddikjara li “kien użat u deffsuh fil-kwistjoni”.

Fil-Qorti Melvin Theuma, li gawda minn Maħfra Presidenzjali u allura ma jistax jigdeb għax jitlifha, iddikjara li kien Keith Schembri li tah xogħol li lanqas biss talab.

Jekk wieħed jimxi mad-dikjarazzjoni ta’ Theuma fil-Qorti, allura anke Sandro Craus ifarfar fuq Keith Schembri.

Il-Pulizija fl-aħħar jiem sejħu wkoll għad-Diretturi u anke l-eks Chairman tal-Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd biex jispjegaw min għamel pressjoni biex Melvin Theuma jiġi rreġistrat magħhom u kif kienu qed joħorġu pagament lil xi ħadd li qatt ma mar għax-xogħol.