
Il-Partit Nazzjonalista organizza Maratona Ġbir ta’ Fondi, fid-Dar Ċentrali, biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Partit. It-tema tal-maratona kienet “Ġustizzja” u fiha inġabbret is-somma totali ta’ €405,709.

L-appell kien biex kulħadd ikun ġeneruż u jipparteċipa bis-sħiħ, hekk kif
bl-użu għaqli tad-donazzjonijiet, se jkompli jsir investiment fil-media tal-Partit biex jitwassal l-aqwa servizz u servizz modern lil min isegwina.

Il-maratona ingħatat bidu fis-14.00 u baqgħet għaddejja sa nofsilejl.

Fil-ftuħ tal-Maratona, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli sostna li din il-maratona annwali hija essenzjali għat-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-magna tkompli taħdem.

Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tal-istazzjon, Clyde Puli saħaq li l-ħmistax proposta li ppropona s-Sibt filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huma essenzjali.

Fosthom, kompla Puli, bħal barra minn xtutna, l-partiti għandhom ikunu ffinanzjati mill-istat. Huwa saħaq li hemm bżonn li jinġabru l-flus għal partit politiku li sa minn dejjem kien fuq quddiem jissielet b’vuċi waħda għad-drittijiet tal-poplu.

