Formula 1 Sport

Alonso jagħti ħjiel li jista’ jirritorna fil-Formula 1 fl-2021

(Ritratt: EPA)

Fernando Alonso ta indikazzjoni li jista’ jkun qed jaħseb biex jirritorna fil-Formula 1 fl-2021, għalkemm jidher li jirritorna biss jekk jista’ jkollu karozza kompetittiva. Alonso hu meqjus bħala wieħed mill-aħjar sewwieqa tal-aħħar snin u kemm ilu li ħalla l-Formula 1, fittex opportunitajiet oħra fil-motorsport.

Iżda minn dakinhar saħaq diversi drabi li ma kienx irtira mill-isport li tah żewġ kampjonati tad-dinja konsekuttivi fl-2005 u fl-2006. Is-sena 2021 hi mistennija li toħloq rivoluzzjoni fil-Formula 1 minħabba t-tibdil fir-regoli.

Alonso li jagħlaq 39 sena s-sena d-dieħla, qal f’Abu Dhabi li l-2021 hi r-raġuni għaliex qed iżomm il-possibbiltajiet miftuħa għaliex l-affarijiet jistgħu jinbidlu ftit. “Naraw liema opportunitajiet jaslu. Is-sena d-dieħla naħsibha,” qal Alonso.

L-Ispanjol ħalla l-Formula 1 is-sena l-oħra wara li ma kienx kompetittiv fit-tieni esperjenza tiegħu ma’ McLaren. Hu ħalla l-Formula 1 fuq nota pożittiva u minn dakinhar kiseb titlu LMP1 fil- World Endurance Championship u kiseb żewġ rebħiet ma’ Toyota f’Le Mans 24 Hours.

Alonso se jkun qed iħares ukoll lejn is-suq tat-trasferimenti tas-sewwieqa. Fosthom hemm il-kuntratti ta’ Lewis Hamilton, Max Verstappen u Sebastian Vettel li kollha jiskadu s-sena d-dieħla. Is-sena d-dieħla, Alonso mistenni jikkompeti fir-Rally ta’ Dakar u t-tellieqa Indianapolis 500 għat-tieni darba.