Ding Junhui għeleb lil Stephen Maguire 10-6 biex rebaħ il-Kampjonat tar-Renju Unit għat-tielet darba fil-karriera. Iċ-Ċiniż li hu n-numru 16 fid-dinja kien ilu mingħajr trofew mit-Triple Crown għal tmien snin, iżda għeleb lil Ronnie O’Sullivan fi triqtu lejn il-finali u reġa’ kellu prestazzjoni oħra kontra Maguire li kien fil-forma.
Ding mar 4-0 fil-vantaġġ bi breaks ta’ 56, 105 u 128 jispikkaw. Iżda Maguire wettaq reazzjoni u rebaħ tliet frames konsekuttivi u seta’ anki ġab id-draw qabel l-intervall. Ding irnexxielu jżomm il-vantaġġ hekk kif rebaħ it-tmien frame. Maguire kellu ċans ieħor li jnaqqas id-distakk iżda falla boċċa ħamra faċli biex ta l-opportunità lil Ding li rnexxielu jagħmel l-iskor 6-3 bi break ta’ 83.
Fil-frame sussegwenti, Ding għamel break ta’ 45 iżda għamel ta l-opportunità lil Maguire li wieġeb bi break ta’ 53. Iżda l-pressjoni wasslet biex falla boċċa ħamra u ta l-frame lil Ding. Maguire waqqaf is-serje ta’ Ding iżda ċ-Ċiniż reġa’ rkupra bi break ta’ 67. Maguire rritorna mill-intervall ta’ nofs is-sessjoni b’century break wara li Ding falla boċċa sewda faċli. L-Iskoċċiż reġa’ ħa vantaġġ minn żball ta’ Ding b’century break ieħor biex naqqas id-distakk għal żewġ frames.
Ding mar frame bogħod mir-rebħa bi break mill-isbaħ ta’ 131 u fl-ewwel opportunità li kellu, aċċerta mir-rebħa b’century break ieħor biex rebaħ £200,000 fi premju.
//= $special ?>