Internazzjonali

Finlandja: Sanna Marin issir l-iżgħar Prim Ministru fid-dinja

Sanna Marin se tkun il-Prim Ministru tal-Finlandja u meta, fl-età ta’ 34 sena, għandha ssir ukoll l-iżgħar Prim Ministru fid-dinja. Dan meta hi se tieħu l-ġurament tal-ħatra l-ġimgħa d-dieħla.

Marin, li sa ftit ilu serviet bħala l-Ministru tat-Trasport, intgħażlet mill-Partit Soċjal Demokratiku tagħha biex tassumi din il-kariga ġdida wara li l-Kap tal-partit, Antti Rinne, irriżenja bħala Prim Ministru.

Ir-riżenja ta’ Rinne seħħet wara li hu tilef il-fiduċja ta’ membru tal-koalizzjoni (f’Helsinki) dwar il-mod kif kien aġixxa rigward strajk fis-settur tal-posta.

Intant, Sanna Marin se tmexxi koalizzjoni taċ-ċentru-xellug, flimkien ma’ erba’ partiti oħra li huma kollha mmexxija min-nisa.

Għalkemm mhux mistenni li jkun hemm xi bidliet notevoli fil-politika nazzjonali, Marin għamlitha ċara li dan mhux se jkun każ ta’ business as usual anki jekk il-koalizzjoni qablet diġà dwar programm ta’ xogħol. Dan meta Marin qed tinsisti li ‘jinħtieġ impenn qawwi biex il-mexxejja tal-pajjiż jirbħu lura l-fiduċja tal-elettorat’.

Marin hi erba’ snin iżgħar mill-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern (39) u sena iżgħar mill-Prim Ministru tal-Ukrajna, Oleksiy Honcharuk (35).