Lokali

In-negozji qed jispiċċaw vittma tal-inċertezza u l-kriżi politika li ġabna fiha Muscat

L-inċertezza politika f’pajjiżna tort tal-korruzzjoni tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat bl-appoġġ ta’ sħabu wassal biex in-negozji f’pajjiżna qegħdin isofru b’inqas bejgħ qawwi.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed Edwin Vassallo fakkar kif il-GRTU b’servej li sar fl-aħħar jiem ikkonfermat kif in-negozji ż-żgħar membri tagħha qed jisfaw vittmi tal-kriżi li daħħal lil pajjiżna fih il-Gvern Laburista bir-rebgħa u l-egoiżmu li kulma jimpurtah huwa kif jgħatti xtur ix-xibka ta’ persuni nvoluti fl-allegati atti ta’ korruzzjoni, li wasslu għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġejjieni politiku mhux jawgura tajjeb għall-inċertezza politika u n-negozji ż-żgħar u medji jinsab mħassba li din l-instabbiltà tibqa’ tippersisti u t-tibdil fit-tmexxija tal-Gvern mhix biżżejjed, bi ftit li xejn pajjiżna jista’ jgawdi min ċertezza u normalità politika.

Din l-esperjenza ta’ riċessjoni ekonomika hija kollha kemm hi tort ta’ Joseph Muscat, li huwa aktar interessat li jħares l-interessi tal-Partit Laburista minflok dawk tal-pajjiż u tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibqa’ jsegwi x’qed jiġri fis-suq u l-ekonomija u lest li jieħu kull azzjoni meħtieġa biex din l-esperjenza negattiva għas-sidien tan-negozji tintemm u pajjiżna jerġa’ jirritorna għan-nomalità.