Internazzjonali

Ir-ribelli Houthi fil-Jemen qed jheddu li jattakkaw lil Iżrael

Ir-ribelli Houthi fil-Jemen li qegħdin jingħataw l-appoġġ mill-Iran heddew li jattakkaw lil Iżrael, fost l-insistenza li huma ppreparaw ‘lista ta’ miri’ li kapaċi jintlaqtu fi kwalunkwe żmien.

Il-Ministru tad-Difiża tal-Houthi, il-Ġeneral Mohammed Al-Atefi, tenna, waqt intervista lill-midja alineata mar-ribelli, li Iżrael ilu involut fil-konflitt tal-Jemen sa mill-bidu nett tal-ġlied fl-2015. Il-Ġeneral żied li ‘issa wasal iż-żmien tat-tpattija lill-Iżraeljani’ waqt li spjega li l-Houthi għandhom f’moħħhom numru ta’ miri militari u marittimi ‘tal-għadu Żijonista’ u mhumiex se jżommu lura minn attakk f’każ ta’ deċiżjoni speċifika.

Ingħad ukoll li l-qawwiet Houthi li jikkontrollaw Sanaa, il-kapitali tal-Jemen, ikkonkludew kull aspett ta’ tħejjija militari ‘biex jorganizzaw attakk strateġiku li għandu jipparalizza l-kapaċitajiet tal-għadu (Iżrael)’.

Fil-preżent, koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija qed tappoġġa lill-qawwiet tal-President eżiljat tal-Jemen, Abdrabbuh Mansur Hadi, li qegħdin jiġġieldu kontra r-ribelli tal-Houthi.

Dan meta huma magħrufa r-relazzjonijiet ‘sigrieti’ bejn Iżrael u s-Sawdi li jikkonċentraw l-aktar fuq l-issues tas-sigurtà. Iż-żewġ pajjiżi huma avversarji ewlenin tal-Iran fundamentalista u l-koperazzjoni fl-affarijiet tas-sigurtà baqgħet għaddejja anki jekk Iżrael u l-Arabja Sawdija m’għadhomx relazzjonijiet diplomatiċi formali.

F’Ottubru, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu wissa li l-Iran kien qed jipprova jiżviluppa l-armamenti b’sistemi ta’ gwida u li jistgħu jolqtu kwalunkwe zona fil-Lvant Nofsani. Ma kienx eskluż li l-Iranjani setgħu kienu qed jaħsbu biex iqiegħdu l-armamenti inkwistjoni fil-Jemen, bl-iskop ta’ attakk potenzjali fuq Iżrael.