Sport Sport Ieħor

Ir-Russja sospiża għal erba’ snin mill-avvenimenti sportivi maġġuri

(Ritratt: EPA)

L-Aġenzija Dinjija kontra d-Doping (WADA) ikkonfermat li r-Russja ġiet sospiża mill-avvenimenti kollha sportivi maġġuri għall-erba’ snin li ġejjin. B’hekk il-bandiera tar-Russja u l-innu nazzjonali Russu mhux se jitħallew f’avvenimenti kbar bħat-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar, l-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokyo u l-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing fl-2022.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-WADA ħa din id-deċiżjoni wara li kkonkluda li Moska bagħbset mal-informazzjoni tal-laboratorju, ħassret il-files u pprovdiet evidenza falza b’rabta ma’ testijiet tad-doping. Id-deċiżjoni ta’ din is-sospensjoni ttieħdet b’mod unanimu mill-kumitat.

Ir-Russja pruvat turi lilha nnifisha bħala saħħa globali fl-isport iżda ilha fl-iskandlu tad-doping minn meta rapport ikkummissjonat mill-WADA fl-2015 sab evidenza ta’ tbagħbis fid-doping tal-atleti Russi. Il-problemi kibru minn dakinhar, b’ħafna mill-atleti tilfu l-aħħar Olimpjadi bħala kastig tad-doping sponsorizzat mill-istat fl-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2014 f’Sochi.

Is-sanzjonijiet tal-bieraħ ġew rakkomandati mill-kumitat tar-reviżjoni tal-WADA, bħala rispons ta’ informazzjoni laboratorja pprovduta minn Moska aktar kmieni din is-sena. Waħda mill-kundizzjonijiet biex ir-RUSADA (l-aġenzija kontra d-doping tar-Russja) ddaħħlet lura, kienet li Moska trid tipprovdi kopja awtentika tal-informazzjoni tal-laboratorju. Ir-RUSADA kienet sospiża fl-2015.

Is-sanzjonijiet ineħħu l-akkreditazzjoni tal-aġenzija. Ix-xahar li għadda, il-Ministru tal-Isport Russu Pavel Kolobkov attribwixxa d-diskrepanza fl-informazzjoni tal-laboratorju ma’ problemi tekniċi. Intant xi uffiċjali Russi sejħu din id-deċiżjoni għal sanzjonijiet bħala inġusta u saħansitra qalu li dan hu attentat biex iżommu lura lil pajjiżhom. Jekk ir-RUSADA tappella, il-każ ikun referut lejn il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport.