Lokali

Jiftħu n-nomini għas-suċċessur ta’ Muscat

It-Tnejn fetħu n-nomini ta’ dawk interessati biex jieħdu post Joseph Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru, tmint ijiem wara li Muscat ħabbar li se jkun qed jirriżenja.

Hu kien ħabbar dan wara l-iżviluppi li poġġew lil pajjiżna fl-agħar krizi politika tal-aħħar snin. Is-sitwazzjoni ma ħallitx għażla oħra wkoll lil Keith Schembri u Konrad Mizzi milli jirriżenjaw mill-karigi ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru u Ministru rispettivament.

S’issa kienu biss id-Deputat Mexxej Chris Fearne u d-Deputat u Konsulnet ta’ Muscat fil-Kabinett Robert Abela li esprimew l-intenzjoni li jikkontestaw. L-intenzjoni oriġinali tal-Partit Laburista kienet li Chris Fearne itellaq waħdu, bil-karigi ta’ Deputati Mexxejja jingħataw lill-Ministru Ian Borg u l-istess Robert Abela.

Madankollu, Abela ma qabilx ma’ din l-idea, tant li fuq Facebook sejħilha “patt imxajtan” qabel ma eventwalment esprima pubblikament l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Mexxej u jisfida lil Chris Fearne.

Min-naħa l-oħra, Ian Borg u l-MEP Laburista Miriam Dalli, li kien maħsub li kienu fost dawk li jidħlu fil-ġlieda għat-tmexxija, qalu li mhux se jkunu qed jixħtu isimhom.

In-nomini jibqgħu miftuħa sal-Erbgħa li ġej u jekk ikun hemm aktar minn nomina, kif fil-fatt se jkun il-każ, is-suċċessur ta’ Muscat jintagħżel fil-11 ta’ Jannar mill-membri tal-Partit.