Lokali Qorti

Keith Schembri iwaqqa’ żewġ libelli kontra Daphne Caruana Galizia

Dak li sa ftit ilu kien iċ-‘Chief of Staff’ tal-Prim Ministru, Keith Schembri, waqqa’ żewġ libelli pendenti li kien fetaħ kontra il-ġurnalista vittma ta’ karozza bomba Daphne Caruana Galizia.

Sadanittant libelli oħra li saru kontriha u li kienu magħmula mill-Prim Ministru għadhom attivi u dawn ġew differiti għal Marzu li ġej minħabba s-sitwazzjoni xejn sabiħa preżenti.

Iż-żewġ libelli nkwistjoni li ċeda’ Keith Schembri, li skont l-Avukat Edward Gatt qal li kienu relatati ma blogs fuq il-kumpanija Egrant li kienu deheru fl-2017, ġew imwaqqa’ wara li kienet iffirmata nota nhar il-Ġimgħa li għaddiet, fil-Qorti.

Daphne Caruana Galizia kienet allegat li ġew trasferiti somom kbar ta flus mill-kontijiet bankarji mill-Ażerbajġan lejn il-kumpaniji Egrant, Hearnville u Tillgate bl-aħħar żewġ kumpaniji jkunu ta’ dak iż-żmien Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Hija kienet qalet ukoll li flok il-kumpanija Egrant l kien beda’ proċess biex tkun xolta, kienet infetħet kumpanija oħra.

Il-Maġistrat Victor Axiaq, wara li ra n-nota, qal li mhux se jibqa’ jieħu konnoxxenza tal-każ, minħabba li ġie nfurmat li waqa’. Libelli oħra, li saru minn Joseph Muscat kontra Daphne Caruana Galizia, binha Matthew, Karl Gouder u Mario Frendo ġew differiti kmieni t-Tnejn filgħodu, ‘invista taċ-ċirkostanzi preżenti’ bil-Qorti tgħid li jkun aħjar li l-provi jinstemgħu f’data aktar tard.

Il-kawżi nkwistjoni mistennija jinstemgħu fid-9 ta’ Marzu li ġej, bil-Qorti tagħmilha ċara li fis-seduta li jmiss dawk li fetħu l-libelli, nkluż il-Prim Mijnistru jridu jagħlqu l-provi.