Lokali Qorti

Kuntrattur mhux ħati li xehed falz fil-Qorti

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Kuntrattur ta’ 67 sena mill-Mosta ma nstabx ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimench li ħalef falz f’kawża ċivili. Il-Maġistrat qalet li l-provi kkonfermaw dak li kien stqarr Nazzareno Vassallo fil-kors tal-proċeduri ċivili u għalhekk kien konsistenti u ma setgħetx issibu ħati ta’ xiehda falza.

Huwa ma nstabx ħatin li fil-kapaċità tiegħu ta’ Direttur, Azzjonist jew Uffiċjal tal-kumpanija Vassallo Builders Limited, f’Awwissu 2013 u fix-xhur u snin ta’ qabel ippreżenta dokument falz u ħalef falz f’kawża ċivili.

Il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga l-każ wara li Joe Vella, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Avantgarde Holdings Limited kien allega li Vassallo ta xiehda falza f’kawża ċivili bejn iż-żewġ kumpaniji.

Aktar tard saret kawża kriminali fil-konfront ta’ Vasssallo u wara li l-Qorti semgħet ix-xhieda kkonkludiet li għalkemm l-akkużat ma kienx korrett f’xi aspetti mix-xiehda li ta u fl-affidavit li sar minnu “ma ġiex remotament pruvat li dan seħħ b’intenzjoni doluża”.

L-Avukat Joe Giglio li flimkien mal-Avukat Stephen Tonna Lowell iddefendew lil Vassallo, kienu qalu li Vella fetaħ il-kawża kontra Vassallo wara li dan tal-aħħar temmlu l-kuntratt tal-appalt u kienu qalu wkoll li huwa żball li f’pajjiżna għad hemm nies li qed jiġu mkaxkra fil-Qorti biss wara li jsir rapport kontrihom u wara li l-Pulizija teħodilhom stqarrija.