Lokali

L-MCESD se tkun qed tħejji dokument dwar is-sitwazzjoni politika preżenti

Il-membri tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) qed iħejju dokument dwar x’inhu l-pass li jmiss isir, hekk kif pajjiżna qed jinżamm paralizzat fil-kriżi politika li għaddejjin minnha.

Id-deċiżjoni tal-MCESD waslet hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li mhux se jkun qed jirriżenja qabel nofs ix-xahar id-dieħel minkejja t-talbiet li qed isirulu mis-soċjetà ċivili u diversi għaqdiet oħrajn.

Fi tmiem laqgħa urġenti oħra tal-MCESD, iċ-Chairperson tal-Kunsill John Bencini ħabbar din id-deċiżjoni u li fil-jiem li ġejjin mistennija jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet biex jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom.

Din il-laqgħa ssegwi laqgħa oħra bejn il-membri wara li tħassru laqgħa li kellha ssir mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u anke business breakfast. Mal-media, John Bencini qal l-MCESD diġà għamlet laqgħa mal-President George Vella, li minnha rriżulta li George Vella għandu jindirizza lill-pajjiż.