Lokali

L-MNPN imħasseb bis-sitwazzjoni politika preżenti

Il-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb ħafna bis-sitwazzjoni politika preżenti f’pajjiżna. Irridu pajjiż fejn l-istituzzjonijiet u l-ogħla awtoritajiet ikunu msaħħa u jitħallew jaħdmu mingħajr indħil minn min għandu l-poter.

Irridu ekonomija stabbli għaliex f’din is-sitwazzjoni ġew ipperikolati l-impjegi u l-għajxien tal-familji tagħna flimkien mal-futur ta’ uliedna. Irridu isem Malta u Għawdex jerġgħu jgawdu r-rispett u l-fiduċja ta’ kulħadd.

Għalhekk f’dan l-ambitu, aħna l-membri kollha tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista nilqgħu bis-sħiħ il-15-il proposta mressqa mill-Partit Nazzjonalista, biex pajjiżna jerġa’ joħroġ mill-kriżi li daħħalna fiha Joseph Muscat.

Nemmnu li dan il-kontribut mill-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ joħroġ lil pajjiżna minn din il-kriżi u b’hekk pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq tas-sewwa għall-ġid ta’ kulħadd.