Internazzjonali

L-Ukrajna u r-Russja f’taħditiet dwar it-tmiem ta’ konflitt

Il-mexxejja tal-Ukrajna u r-Russja daħlu għall-ewwel taħditiet, wiċċ imb wiċċ, f’tentattiv biex jikkonkludu ħames snin u nofs ta’ konflitt fl-artijiet Ukreni tal-Lvant – magħrufa wkoll bħala r-reġjun ta’ Donbass.

F’dan il-konflitt mietu ’l fuq minn 13,000 persuna fost il-ġlied bejn il-qawwiet tal-Gvern tal-Ukrajna u r-ribelli separatisti li huma appoġġjati mir-Russja.

Bħalissa hemm tamiet u ottimiżmu kawt għal żblokk importanti, wara li l-Ukrajna rtirat minn tliet zoni filwaqt li aċċettat sensiela ta’ kundizzjonijiet.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, intant, qed jissieħeb mal-President Russu, Vladimir Putin, għal-laqgħa ta’ Pariġi — jew in-Normandy Four summit – fejn qed jattendu wkoll il-President Franċiż, Emmanuel Macron u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel.

Zelensky, li kien elett b’mandat qawwi, kien bena l-kampanja tiegħu fuq impenn biex iwassal għall-paċi fir-reġjun ta’ Donbass u fl-aħħar xhur kien hu li stinka biex jerġa’ jidħol fi djalogu mar-Russja bil-għan li jindirizzaw is-sitwazzjoni staġnata fl-imsemmi reġjun.

Madankollu, il-Mexxej Ukren kellu jaqbel mal-kundizzjonijiet tar-Russja biex isiru t-taħditiet u bis-sitwazzjoni tqanqal reazzjonijiet rabbjużi fost l-avversarji politiċi tiegħu fi Kiev.