Lokali Qorti

Raġel ‘homeless’ jitpoġġa taħt probation wara attentat ta’ serq minn karozza

Raġel ‘homeless’ tpoġġa taħt porbation wara li ammetta fil-Qorti li pprova jisraq xi oġġetti minn karozza fil-lokalità ta’ Ħal-Qormi. Eman Ebejer ta’ 34 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

Huwa ġie mixli mill-Ispettur Roderick Agius b’attentat ta’ serq aggravat u bil-ħin. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċediv u li kellu fil-pusses tiegħu oġġetti suspettużi u dan mingħajr ma huwa ta’ spjega valida fuqhom. Dan meta għandu fedina penali li fiha ħafna reati marbuta ma’ serq.

L-Ispettur Agius spjega fil-Qorti li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tat-8pm il-Pulizija kienet infurmata li uffiċjal tal-ħabs kien qed iżomm raġel li kien daħal fil-karozza ta’ wieħed mill-ġirien tiegħu.

Il-Prosekutur qal li dan kien attentat ta’ serq għax xejn ma ttieħed mill-karozza. L-Avukat Christopher Chircop, li kien qed jidher għal Ebejer bħala avukat tal-għajnuna legali, ammetta l-akkużi miġjubin kontra l-klijent tiegħu. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-ħabs ma jkun post ideali għall-ħati u poġġietu taħt probation għal perjodu ta’ tliet snin.