Internazzjonali

Renju Unit: Il-Konservattivi ta’ Johnson iżidu l-vantaġġ skont l-aħħar stħarriġ

Il-Konservattivi ta’ Johnson iżidu l-vantaġġ skont l-aħħar stħarriġ

Il-Partit Konservattiv tal-Prim Ministru Boris Johnson, fi żmien ġimgħa, żied il-vantaġġ fuq il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni minn disa’ għal erbatax-il-punt perċentwali. Dan skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni mill-kumpanija għar-riċerka Survation, għall-programm Good Morning Britain tal-ITV.

L-indikazzjonijiet huma li l-Konservattivi, fil-preżent, għandhom l-appoġġ ta’ ftit aktar minn 45 fil-mija tal-Britanniċi, bil-Laburisti jinżlu għal 31 fil-mija, qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħamis fir-Renju Unit.

Ir-rispondenti (mal-1,012) wieġbu bit-telefon għall-istħarriġ li sar bejn il-5 u s-7 ta’ Diċembru u fejn huma esprimew il-preferenzi għall-kandidati u l-partiti fil-kostitwenzi tagħhom.

Intant, il-Prim Ministru Johnson fil-preżent qed idur fil-kostitwenzi Ingliżi tal-grigal,  ikkontrollati mill-Partit Laburista u fejn ir-residenti kienu vvutaw favur il-Brexit fir-referendum tal-2016

F’Sunderland – fejn mal-61 fil-mija tar-residenti kienu vvutaw biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea – Johnson wassal il-messaġġ li ‘in-nies kienu traduti mill-Partit Laburista’. Dan meta l-Prim Ministru qed jinsisti li l-Parlament ta’ Londra ‘tefa’ lura u fl-istess ħin ċaħad il-Brexit għall-poplu’.

Boris Johnson qed iwissi wkoll lill-elettorat biex ma jivvutax lill-Partit Liberali Demokratiku li qed jimpenja ruħu biex iwaqqaf il-Brexit. Intant, l-istess Partit Liberali Demokratiku qed iwiegħed li jgħaddi leġiżlazzjoni biex il-Brexit ma jsirx, ‘immedjatament wara l-elezzjoni’. Hemm ukoll ħsieb li dan il-partit jintroduċi żewġ abbozzi li, skont hu, għandhom iwittu t-triq għal referendum ieħor dwar l-UE.

Il-Kap tal-Liberali Demokratiċi, Jo Swinson, qalet li ‘l-aktar mod probabbli li l-Brexit ma jsirx hu permezz ta’ vot ieħor’. Madankollu qed tidher dejjem aktar remota l-possibbiltà li l-partit tagħha jirbaħ il-poter waħdu u jingħata d-dritt biex jirtira l-Artiklu 50 li jippermetti t-tluq tar-Renju Unit mill-UE.

Intant, Boris Johnson qed jaħseb biex iżur kemm jista’ reġjuni fl-Ingilterra u Wales fl-aħħar jiem qabel l-elezzjoni. Dan meta hu qed iwassal il-messaġġ li vot għall-Konservattivi hu vot ‘biex il-Brexit isir realtà u r-Renju Unit jirrealizza l-veru potenzjal tiegħu’.