Sport Sport Ieħor

Tenishia Thornton tkompli ttejjeb ir-riżultati personali fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena

Tenishia Thornton kisbet riżultat pożittiv fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hekk kif saret l-ewwel Maltija li ħadet sehem fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena li sar f’Elitat fl-Iżrael. Thornton spiċċat fis-sitt post overall minn tmien parteċipanti fil-kategorija tal-45kg b’total ta’ 124kg. Ir-rebbieħa kienet ir-Rumena Ramona Anusca li refgħet 62kg snatch u 78kg clean and jerk għal total ta’ 140kg.

Fis-snatch, iż-żagħżugħa refgħet faċilment it-52kg mal-ewwel tentattiv u refgħet ukoll l-54kg u s-56kg biex kisbet il-ħames l-aħjar riżultat f’din il-kategorija. Fil-clean and jerk, Thornton li għandha 14-il sena, refgħet it-68kg fit-tieni tentattiv iżda ma rnexxiliex terfa’ s-70kg. Hi kienet akkumpanjata mill-kowċ nazzjonali Jesmond Caruana.

Madankollu dan kien biżżejjed biex kisret 14-il rekord nazzjonali fil-kategoriji ta’ taħt il-15-il sena, taħt is-17-il sena, il-kategoriji tal-juniors u tal-adulti. Din kienet l-aħħar kompetizzjoni għal Thornton f’din is-sena, f’sena meqjusa eċċellenti għaliha hekk baqgħet ittejjeb ir-riżultati personali f’kull kompetizzjoni internazzjonali.

Fit-tournament Challenge 210 fl-Iżvizzera ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, Thornton refgħet snatch ta’ 42kg u clean and jerk ta’ 58kg. Fil-kampjonat nazzjonali li sar f’Novembru tas-sena l-oħra, Thornton għamlet snatch ta’ 44kg u clean and jerk ta’ 54kg.

F’Marzu li għadda f’kompetizzjoni internazzjonali fis-Slovenja, Thornton għamlet snatch ta’ 49kg u clean and jerk ta’ 62kg. Ġimagħtejn wara, hi kisbet l-aħjar riżultat personali sa dakinhar fit-tournament Ewropew għall-Pajjiżi ż-Żgħar bi snatch ta’ 51kg u clean and jerk ta’ 60kg.

Imbagħad f’Lulju fil-Kampjonati Reġjonali Taljani f’Lenuvio, Thornton refgħet 52kg fis-snatch u 64kg fil-clean and jerk. Ftit ġimgħat wara fl-Eleiko Weightlifting International Club, Thornton irrepetiet l-istess riżultat. F’Ottubru li għadda fit-tournament Challenge 210 fl-Iżvizzera, Thornton spiċċat bi snatch ta’ 52 kilo u clean and jerk ta’ 67 kilo.