Lokali Qorti

Tewmien jammettu serq fuq tliet nisa, li tnejn minn għandhom aktar minn 80 sena

Tewmien ta’ 35 sena nżammu arrestati wara li ġew akkużati u ammettew quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella b’serq ta’ ‘handbags’ fil-konfront ta’ tliet nisa, li tnejn minhom għandhom aktar minn 80 sena.

L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Christina Delia xlew lil Gordon u Stephen Cassar li huma minn Ħal-Qormi bis-serq li seħħ f’Ħal Balzan, tas-Sliema u Birkirkara bejn is-26 ta’ Ottubru u t-22 ta’ Novembru li għadda.

Uħud mill-akkużi kienu li kkommettew serq aggravat bil-ħin u anke bil-valur. Ordni ta’ protezzjoni kienet ukoll mitluba u ngħatat fil-konfront tal-vittmi. It-tewmien ġew mixlija wkoll li saru reċedivi.

Stephen Cassar huwa burdnar filwaqt li ħuh huwa student. It-tewmien li kienu lebsin bit-‘tracksuit’ bdew jiċċaqqalqu ‘l-hemm u ‘l hawn hekk kif l-Ispettur Fleri spjega kif is-CCTV qabdet karozza reġistrata fuq missierhom, fejn mill-filmati dan deher joħroġ mill-karozza għat-triq, qabel ma’ ħataf il-handbag’, u mar lura fil-karozza.

L-Ispettur qal fil-Qorti li waħda mill-vittmi marret tiġri wara l-ħallelin u nnutat parti minn numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza li kienu fiha, tal-marka Toyota Vitz griża.

Eventwalment l-irġiel ġew intraċċati u wara arrestati. Instab ‘hanbdbag’ li kien tbattal mill-flus f’Santa Venera. It-tliet serqiet saru bl-istess mod, Stephen Cassar joħroġ jisraq filwaqt li ħuh jistennih u jaħrab bil-karozza.

L-irġiel ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom bl-avukat tagħhom Francesco Refalo jgħid li l-ħatja għandhom problema ta’ droga, u li minħabba f’hekk spiċċaw jisirqu. L-istess avukat talab li jsir rapport qabel ma tingħata s-sentenza, li mistennija tingħata x-xahar id-dieħel.