Futbol Sport

Tliet gowls f’anqas minn għaxar minuti jagħtu ftit nifs lil Arsenal u jżidu l-pressjoni fuq Pellegrini

(Ritratt: Premier League)

Tliet gowls f’anqas minn għaxar minuti fit-tieni taqsima taw rebħa importanti ta’ 3-1 lil Arsenal kontra West Ham biex b’hekk temmew sensiela ta’ disa’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha mingħajr rebħa. Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn perjodu diffiċli u l-ewwel taqsima kienet xhieda tal-kunfidenza li t-tnejn għandhom bħalissa. Din it-telfa tkompli tpoġġi l-pressjoni fuq il-manager ta’ West Ham Manuel Pellegrini hekk kif issa sofrew seba’ telfiet fl-aħħar disa’ logħbiet.

West Ham fetħu l-iskor fit-38 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Angelo Ogbonna tkun imxellfa minn Ainsley Maitland-Niles u qarrqet bil-gowlkiper Bernd Leno. Arsenal kienu fqar fl-ewwel taqsima u lanqas irnexxielhom ikollhom xutt fil-lasta fit-taqsima. L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess sakemm mas-siegħa logħob, Gabriel Martinelli rċieva kross mix-xellug ta’ Sead Kolasinac u skorja fl-ewwel logħba li beda mill-bidu fil-Premier League.

Il-Gunners marru minn fuq fis-66 minuta meta Mesut Özil qassam lejn Pierre-Emerick Aubameyang li kompla fuq il-lemin lejn Nicolas Pepe, bil-Franċiż jiġbed il-ballun fuq ix-xellug u għeleb lil David Martin b’xutt għar-rokna. Tliet minuti wara, l-iskor sar 3-1 meta reġa’ kien Özil li fetaħ fuq Pepe li din id-darba kienu hu li bi kross serva lil Aubameyang, bl-attakkant jegħleb lil Martin b’xutt mill-ewwel.

Il-Hammers imisshom fil-kampjonat f’konfront dirett kontra Southampton filwaqt li Arsenal wara Standard Liege fl-Europa League, jilqgħu lil Manchester City il-Ħadd.