Futbol Sport

Finalment se nibdew nitkellmu fuq plejers professjonali – Andrei Agius

Id-difensur Malti favur l-inizjattiva tal-MFA li grupp ta' plejers Maltin jilagħbu fis-Serie C Taljana

Hekk kif jidher li l-pjan tal-President tal-MFA Bjorn Vassallo biex ikun hemm tim Malti li jilgħab fis-Serie C Taljana qed jimmaterjalizza, Replay Ikompli fuq Net FM ħa l-kummenti tad-difensur internazzjonali Malti Andrei Agius dwar din l-idea.

Agius hu plejer li kellu diversi esperjenzi ma’ klabbs fl-Italja u fosthom lagħab fis-Serie C. Hu qal li għalih hu ta’ sodisfazzjon doppju li qed jitkellmu biex ikun hemm tim Malti f’dak il-livell għaliex żied li meta kien jilgħab hu kien jirċievi kritika għaliex kien meqjus li qed jilgħab f’livell baxx.

“L-iktar ħaġa importanti ta’ dan il-kampjonat hu li dawn il-plejers li se jiġu selezzjonati biex jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, l-ewwel ħaġa ħa tinbidlilhom ħajjithom kompletament, finalment ħa nibdew nitkellmu fuq plejers li huma professjonali,” qal Agius.

Hu kompla li trid tiddaħħal il-mentalità professjonali li barra minn Malta hi normali iżda sfortunatament f’Malta ma teżistix. “Ma rridux inħarsu lejha bħala ‘short-term solution’ biss. Iva hu hekk imma int qed titfa’ lil dawn il-plejers ġo ambjent differenti fejn l-ambjent tal-Italja jista’ joħloqlok ħafna iktar opportunitajiet mill-ambjent lokali.”

Hu żied li dawn il-plejers se jkollhom vetrina li llum il-ġurnata ma għandhomx u jinsab ħerqan biex jara dan il-proġett iseħħ u forsi fi żmien ħames jew sitt snin dan il-proġett ikun ta xi ħaġa lit-tim nazzjonali.

Agius kompla li loġistikament l-Italja tagħmel aktar sens għaliex il-vjaġġ massimu hu ta’ sagħtejn u iktar ma jiżdied il-vjaġġ, aktar jiżdiedu l-ispejjeż u ż-żmien biex il-plejers jirkupraw. Aktar minn hekk, id-difensur ta’ Hibernians qal li karatteristikament aħna qrib l-Italja kemm tattikament kif ukoll teknikament.

Andrei Agius ikkjarifika li m’hemm l-ebda differenza bejn il-kategorija Berretti u Primavera, ħlief li l-klabbs mhux tas-Serie A u B mhux obbligati li jkollhom tim tal-Primavera. Hu jittama li l-ġenituri jilqgħu din l-idea b’entużjażmu hekk kif din l-esperjenza se tgħin liż-żgħżagħ magħżula biex jibdew jaraw x’inhi vera l-ħajja tal-futbol.

Il-plejer ta’ 33 sena faħħar l-iskema riċenti tal-MFA magħrufa bħala Youth Players Grant Scheme. Agius qal li llum il-ġenituri qegħdin jimbuttaw lit-tfal lejn l-edukzzjoni għaliex fi kliemu “l-isport Malti ma għandu l-ebda kredibbiltà u l-ġenituri ma jarawx futur fl-isport għat-tfal tagħhom. Irridu niftħu moħħna, nikbru bħala pajjiż u l-kultura tagħna. Kulħadd mexa ‘l quddiem u aħna ma għandna xejn anqas biex nimxu ‘l quddiem,” temm jgħid Agius.