Lokali

Għada jagħlqu n-nomini għat-tmexxija tal-Lejber

Mill-bieraħ bdew jintlaqgħu n-nomini għall-Mexxej tal-Partit Laburista. In-nomini, li jintlaqgħu mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista – nomini li jagħlqu l-Erbgħa filgħaxija.

Sa issa huma tnejn l-ismijiet illi kkonfermaw li se jikkontestaw; Chris Fearne u Robert Abela. U allura dan ikun ifisser deputat mill-Grupp Parlamentari Laburista stess.

Fearne u Abela dehru jitgħanqu ma’ Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda fi tmiem il-famuż road trip li għamel f’numru ta’ lokalitajiet. Dan hekk kif il-Prim Ministru għadu qed jibqa’ jirreżisti s-sejħa biex jirriżenja immedjatament.

L-elezzjoni għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, u allura għas-suċċessur ta’ Muscat, hija regolata mill-istatut tal-Partit Laburista. Il-proponent u s-sekondant għal dik in-nomina jridu jkunu Delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Jekk ikun hemm iktar minn żewġ nomini allura titlaqqa’ konferenza ġenerali bil-għan li d-delegati jniżżlu n-numru ta’ kandidati għal tnejn, filwaqt li jekk ikun hemm żewġ kandidati biss allura l-votazzjoni ssir mill-ewwel fil-Kungress tal-Partit Laburista li fost oħrajn huwa magħmul mill-membri kollha tal-Partit Laburista.

Jidher li hemm madwar 10,000 membru li diġà huma eleġibbli li jivvutaw għall-mexxej Laburista l-ġdid f’każ ta’ żewġ kontestanti jew iktar. Dan għax ilhom ħames snin konsekuttivi mħallsa.

Net News hu infurmat li hemm membri li mhumiex regolari b’dan il-mod iżda li għandhom ċans jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont l-istatut. U dan jista’ jwassal biex jirduppjaw in-numru ta’ dawk eleġibbli.

Konrad Mizzi nhar il-Ħadd li għadda f’Raħal Ġdid