Internazzjonali

Iċ-Ċili: Ajruplan jisparixxi waqt vjaġġ lejn l-Antartika

Ajruplan militari bi 38 persuna abbord għab u ma deher imkien aktar waqt vjaġġ lejn l-Antartika. L-ajruplan, tat-tip Hercules C-130, kien telaq minn Punta Arenas u l-operaturi tilfu kull kuntatt miegħu, ftit minuti wara.

Kelliema għall-qawwiet tal-ajru taċ-Ċili qalu li fuq l-ajruplan kien hemm ekwipaġġ ta’ 17-il membru u 21 passiġġier. Huma kienu fi triqthom biex jipprovdu appoġġ loġistiku lil bażi militari fuq il-Gżira ta’ King George, fir-reġjun tal-Antartika. Intant, bħalissa għaddejja missjoni ta’ search-and-rescue wara li l-ajruplan naqas milli jattiva xi messaġġ ta’ emerġenza.

L-uffiċjali Ċileni ma eskludewx li l-pilota seta kien imġiegħel iniżżel il-Hercules fil-baħar. Dan meta l-ajruplan kien ivvjaġġa għal xi 725 kilometru meta ntilef il-kuntatt minn miegħu. It-temp kien imfisser bħala ‘favorevoli’ fil-ħin tal-għajbien u l-awtoritajiet qalu li l-ajruplan kellu biżżejjed fuel biex jikkonkludi l-vjaġġ.