Lokali

Il-Gvern spiċċa biex waqqa’ isem Malta – Civicus

Rapport internazzjonali tas-CIVICUS Monitor, juri kif Malta niżlet ‘l isfel fil-klassifika annwali magħrufa bħala ‘Civic and Political Freedoms Global Index’.

Civicus Monitor hi NGO internazzjonali li  taħdem biex tipproteġi u ssaħħaħ l-azzjonijiet taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili madwar id-dinja….u skont dan ir-rapport, Malta niżlet f’din il-klassifika minħabba l-mod kif qed jiġu trattati l-ġurnalisti u l-attivisti f’pajjiżna wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport tas-Civicus  li jħares lejn il-libertjiet bażiċi tad-demokrazija f’196 pajjiż minn madwar id-dinja inkluż f’Malta juri kif f’din il-lista l-istatus ta’ pajjiżna niżel minn “open” għal  “narrowed”.

Ir-rapport ikompli jgħid kif l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 ħoloq ambjent ostili f’pajjiżna fil-konfront tal-ġurnalisti…. speċjalment dawk li jirrapportaw u jikxfu każijiet ta’ korruzzjoni.

Jagħti ħarsa wkoll lejn kif il-gvern Malti kontinwament jipprova jintimida lill-ġurnalisti.

Għal snin twal Malta gawdiet post fl-aħjar kategorija f’dan l-indiċi annwali; kategorija li sas-sena li għaddiet kienet okkupata minn 14-il pajjiż, inkluż Malta.

F’dan l-aħħar rapport isem Malta kien l-uniku pajjiż Ewropew, flimkien mas-Serbja, li tniżżel f’kategorija inferjuri.