Lokali

L-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia; ħaddiema fis-swali tal-operazzjonijiet jiċċelebraw il-qtil tagħha

L-ewwel li xehdu llum kienu l-ġenituri tal-vittma

Quddiem il-Bord tal-inkjesta li ltaqa’ għat-tieni darba xehedu diversi membri tal-familja Carauna Galizia fosthom il-ġenituri, ħutha u n-neputijiet tagħha li lkoll qalu kif wara li l-aġenda li pproġġetta l-Partit Laburista kontra Daphne Caruana Galizia, konna wasalna sal-punt li kien hemm min jaħdem fis-swali tal-operazzjonijiet li bdew jiċċelebraw il-qtil tagħha

Sadanittant l-inkjesta ordnat ukoll li d- data tat-telefonati relatati mal-Ministru Chris Cardona fil-famuża mawra fil-Ġermanja, dik fl-allegat każ tal-Burdell Acapulco għandhom jiġu preservati għall-fini tal-inkjesta pubblika.

Amanda Mallia, oħt Daphne qalet li dawn huma affarijiet li lanqas biss jitwemmnu, ħaddiema li suppost xogħlhom hu li jsalvaw in-nies, spiċċaw jiċċelbraw il-mewt tagħha.

Għal darba oħra ssemmew ukoll diversi uffiċjali tal-Partit Laburista, li kienu jinstigaw dawn l-affarijiet kollha – fost id-diversi persuni ssemmew Glenn Beddingfield, Alex Muscat, Keith Schembri, Brian Tonna, Silvio Schembri u Norman Hamilton, li anke hu qal li missierhom kellu tarbija lleġġittima.

Fakkret ukoll fiż-żmien meta l-Ministru Chris Cardona fetaħ il-libelli kontra Daphne. “Dak iż-żmien il-mowbajl tagħha ma kienx jieqaf idoqq”, kompliet tgħid.

Każ partikolari huwa meta Helene u Mandy kienu fejn il-monument ta’ protesta quddiem il-Qorti u raġel mar fuqhom u rema l-fjuri u ritratti fl-art. L-inċident kien inqabad mill-filmati ta’ ġurnalisti Franċiżi.

Semmiet ritratt tal-ewwel ta’ Mejju li kien ittella mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri bit-titlu “Fit-3 ta’ Ġunju koalizzjoni sħiħa kontra Daphne Caruana Galizia”. Mallia qalet ukoll li l-aħjar protezzjoni li l-ġurnalisti jistgħu jingħataw hija meta l-Pulizija tinvestiga l-istejjer tagħhom.

Mandy Mallia tkellmet ukoll dwar l-abbuż li Caruana Galizia kienet tirċievi permezz ta’ azzjonijiet SLAPP u każijiet ta’ libell kontriha. Semmiet kummenti ta’ “Boo.. boo…boom u Joseph il-King” li kienu jintqalu quddiem Mandy u l-familja tagħha.

Amanda semmiet ukoll li ħarġet xnigħa wkoll mill-Partit Laburista li hija kienet anke miżżewwġa lill-ex Imħallef Michael Mallia, li jagħmel parti mill-inkjesta.

Il-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qalu li kien kemm sezzjoni tal-poplu, ħafna minnhom uffiċjali u partitarji Laburisti li ħolqu mibgħeda kbira fil-pajjiż, u dan kien wieħed mill-fatturi għaliex inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Mallia qalet fil-Qorti li Membri Parlamentari staqsew mistoqsijiet parlamentari dwar jekk ġurnalista kellhix protezzjoni tal-Pulizija jew jekk kienx hemm ‘fixed point’ fil-Bidnija. Mandy stqarret li Daphne kienet tiġi mżebilħa minn ministri tal-Gvern u uffiċjali.

Wara li fl-ewwel seduta tal-inkjesta, xehdu Peter Caruana Galizia, żewġha, u wieħed mit-tfal tagħha Matthew. L-inkjesta hija preseduta mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia se qed jokkupa r-rwol ta’ chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-inkjesta saret fl-awla 20 tal-Qorti u fil-bidu tas-seduta saret talba mill-Avukat Therese Comodini Cachia biex ġurnalista tixhed bil-magħluq minħabba li din għandha nformazzjoni mportanti.

Hija talbet lill-Qorti li mhux biss l-isem ta’ din il-ġurnalista ma jixxandarx iżda lanqas ix-xhieda tagħha u dan minħabba d-delikazza tax-xhieda tagħha. Fil-fatt ix-xhud ma ddaħħlitx mill-bieb prinċipali tal-awla, iżda minn wara, minn fejn hemm l-aċċess għall-Imħallfin. Il-Bord tal-inkjesta laqa’ t-talba tal-avukati.

Amanda Mallia, ikkwotat ukoll fix-xhieda tagħha l-aħħar kliem tal-ġurnalista assassinata fuq il-blog tagħha. “There are crooks everywhere you look. The situation is desperate.” (Hemm il-ħallelin kull fejn tara. Is-sitwazzjoni hija waħda ddisprata).

“Qalu li kien hemm min jgħid li kienet tigdeb, xi ħaġa li qed tikkonferma li dan ma kienx minnu”, qalet oħtha Megane Mallia li xehdet minn xhiex għaddiet, nies kif kienu jaġixxu magħhom u l-mod kif kienu jħarsu lejhom, anke x’kienu jgħidu fuq ‘posts’ imtella’ minn partitarji Laburisti.
Semgħet kliem bħal, jekk issir ġurnalista int – ‘forsi tiġi sploduta wkoll’.

“Hekk ġarrabna, u din kienet tfajla li qaltilha dan il-kliem, u li dan id-diskors ħareġ minn ilsien tfajla, li kienet tagħmel parti mill-Partit Laburista”, qalet ix-xhud.

Xehdet ukoll in-neputija ta’ Daphne, Amy Mallia li qalet … “Dejjem bil-biża li se jiġri xi ħaġa lil Daphne, sa minn mindu kelli tmien snin, dejjem hekk. Anke l-iskola kienu jitkellmu b’mod diżpreġġattiv, semmiet ukoll lil Neville Gafa li hija kienet ma’ Daphne il-Belt, u li fuq il-facebook tiegħu beda jtella ritratti tagħha, dan kollu għax kienet ma’ Daphne.

Qalet ukoll li f’tieġ ta’ wieħed minn ulied Daphne, mingħajr stennija ta’ xejn daħlu l-Pulizija. Amy Mallia qalet li aktar tard saret taf li marru biex ibaxxu l-mużika.

Imma l-ewwel biża’ tagħha kienet li marru biex jarrestaw lil zitha. “Daphne kienet kontinwament attakkatha f’ħajjitha, kif ukoll wara l-assassinju tal-mistħija ”, kompliet tgħid ix-xhud, li qalet ukoll li fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni bikrija, il-Partit Laburista kien juża r-ritratti ta’ Daphne fuq il-billboards.

Semmiet kif ġieli kienet tkun miexja l-belt u n-nies kienu jfesfsu f’widnejn xulxin, jgħidu li hi kienet it-tifla illeġittima ta’ Daphne. L-ewwel xhieda kienu l-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia. Missierha qal li bintu l-ħin kollu kienet tiġi mhedda. Kellha sens ta’ dover kbir u dejjem kienet moħħha biex isir is-sewwa. U bdiet tiddejjaq bil-korruzzjoni tal-Gvern.

Taħt Gvern Laburista dejjem kien hemm soppressjoni tal-libertà bil-Pulizija dejjem tarresta nies li jkunu jridu l-ġustizzja. Hi dejjem riedet tagħmel skrutinju fuq l-operat tal-Gvern u spiċċat biex anke l-kelb li kellha qatlu.

“Bdejt ninkwieta meta rebaħ l-Partit Laburista fl-2013 u tneħħa lill-Kummissarju John Rizzo, u hawn il-‘level of threat’ beda jiżdied. Huwa qal li l-gvernijiet Laburista sa mis-snin 50 dejjem xekklu l-libertà tal-espressjoni.

“Binti bdiet tiżvela fuq il-Panama Papers, dwar Henley and Partners fejn dejjem il-ħsieb kien li tiġi eliminata, anke Sadir tal-Pilatus Bank fetaħ kawża kontra Daphne. Il-protezzjoni kienet spiċċat, l-unika protezzjoni li kellha kienu dawn il-ħafna li kienun jsegwuha fuq il-blog, kemm Maltin kif ukoll barranin.

“Wara li saret l-elezzjoni qabel iż-żmien bżajt aktar meta reġa’ rebaħ il-Partit Laburista – ħafna qalu li riedu jtajjruha…l-ħsieb biex itajjru lil Daphne kompla għalhiex hi kompliet għaddejja bl-istejjer tagħha. Binti nqaltlet permezz ta’ karozza bomba, kieku kellha protezzjoni u l-azzjonijiet ittieħdu mill-ewwel kieku hi għadha ħajja”, qal il-missier imbikkem.

Xehedet ukoll Rose Vella, omm Daphne, li qalet li kien hemm diversi każi ta’ intimidazzjoni li rċeviet bintha. Qalet li l-movimenti ta’ bintha kienu qed jiġu osservati u ta’ dan hi kienet konxja. Tenniet li hi sofriet puplesija bit-tabib jikkonfermalha li dan kien ikkaġunat bl-inkwiet ta’ bintha. L-omm irrakkuntat kif kienet rat lil bintha l-aħħar f’Ottubru meta kellha toħdilha rigal li kienet spiċċat biex insietu.

Dejjem kienet inkwetata fuq bintha…l-aktar meta din kienet tgħidilha li ma kellhiex protezzjoni. Darba fil-parkeġġ tal-Mater Dei wieħed għalaqa bil-karozza u saħansitra mar jagħmel rapport fuqha, li kienet attakkatu.
Ommha kompliet tgħid li deheret fuq il-blog ta’ Glenn Beddingfield, bil-laptop qed tieħu kafe in-Naxxar.

“Mill-aħħar evidenza hi kienet qed tiġi segwita minn nies biex joqtluha, anke meta kienet tiġi tarana kont ninkwieta. Fl-14 ta’ Ottubru 2017, ġiet tarana, qaltilna li kienet reġgħet ġejja b’rigal. Hija u oħtha kienu ġew għandi, u jien dejjem ninkwieta fuqha”, qalet omnmha waqt li bdiet tolfoq u tibki. “Rajtha 40 siegħa qabel ma nqatlet” qalet fil-Qorti ommha.

Flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia qed jidher għall-familja Caruana Galizia, l-Avukat Andrew Borg Cardona bl-inkjesta tkompli tinstema’ nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Diċembru li ġej.