Lokali Qorti

Is-suldati mixlijin bi qtil razzjali jingħataw il-libertà proviżorja

Lorin Scicluna u Francesco Fenech ingħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €30,000, u garanzija personali ta’ of €20,000 bil-patt u l-kundizzjoni li jkunu d-dar bejn is-7pm u s-6am kuljum. Huma jridu jiffirmaw ukoll fl-Għassa tal-Pulizija kuljum.

Il-Qorti spjegat permezz ta’ digriet li hija waslet għal din id-deċiżjoni skont ir-riżultanzi proċesswali tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (EHCR), u wara li għaddew kważi seba’ xhur mindu l-imputati tressqu quddiem il-Qorti, kif ukoll wara li għamlet l-aċċertamenti tagħha kollha.

Il-Qorti fehmet li x-xhieda kollha li kellhom jinstemgħu issa instemgħu u li m’għandhiex raġuni li tissusspetta li ż-żewġ akkużati għandhom l-intenzjoni li jonqsu jżommu mal-kundizzjonijiet imposti lilhom mill-Qorti, jew li se jikkommettu reat ieħor jew jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż.

Il-Qorti stqarret li din id-deċizjoni m’għandhiex titqies bħall li kieku hija qed tnaqqas mill-gravità tal-każ.

Scicluna u Fenech jinsabu akkużati li qatlu lil Lassana Cisse meta sparawlu waqt li kienu għaddejjin bil-karozza minn Ħal Far aktar kmieni din is-sena. Cisse kien sejjer bil-mixi lejn id-dar wara li kien għaddejn minn sqaq fil-kampanja wara li kien mar jara logħba futbol f’April.

Il-Pulizija mill-istħarriġ tagħha kkonkludiet li ż-żewġ suldati qatlu lil Cisse mingħajr raġuni ta’ xejn, ħlief minħabba li kien ta’ karnaġġon skur. Fenech ammetta li kien jgħajjar lill-immigranti filwaqt li l-eks tfajla ta’ Scicluna qalet fil-Qorti li mhux l-ewwel darba li jikkonfronta lil xi immigranti fit-toroq.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Avukati Franco Debono, Kris Busietta qed jidhru għal Scicluna filwaqt li l-Avukat Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell qegħdin jidhru għal Fenech. Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ mill-Maġistrat Ian Farrugia