Lokali

Joseph Muscat għandu rabta perikoluża mas-siġġu tal-poter – Andrew Azzopardi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jċedi r-rabta perikoluża li rabba mas-siġġu tal-poter. Hekk sostna d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjeta fi ħdan l-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi.

Huwa saħaq li l-preżenza tiegħu f’Kastilja qed tirriskja li tipreġudika l-investigazzjoni. Azzopardi insista li mhux biżżejjed li ssir ġustizzja imma hija ta’ importanza kbir li l-ġustizzja tidher li qed issir. Huwa staqsa kif jista’ Joseph Muscat jiggarantixxi imparzjalità u trasparenza fi proċeduri li jistgħu jimplikaw persuni li kienu jew saħansitra għadhom fl-uffiċċju tiegħu u persuni li huwa responsabbli politikament għalihom meta għadu jiggranfa mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru.

Andrew Azzopardi staqsa kif jista ma jirreżenjax minn Prim Ministru meta jista’ jiġi implikat l-id il-leminija tiegħu, b’dimostrazzjonijiet pratikament kuljum u b’pajjiż li qed jilħaq ix-xifer taħt baraxx ta’ kritika kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Kif jista, kompla Azzopardi, isib is-soluzzjoni b’serje ta’ festini madwar il-Gżejjer Maltin biex jgħid saħħa qabel jitlaq?

Flimkien mal-kollegi tiegħu, li bħala rwol tagħhom huwa li jipprovdu kritika kostruttiva, ikkritika b’mod qawwi dan l-aġir u appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jifhem li f’dawn iż-żminijiet li l-pajjiż għaddej minnu din l-attitudni pompuża żgur li mhux qed tgħin sabiex is-soċjetà Maltija terġa lura għan-normalità.

Temm jgħid li dawn l-avvenimenti għandhom bżonn aktar minn uċuh ġodda imma bidla f’attitudni nazzjonali.