Lokali Qorti

Kumpens ta’ €114,000 lill-familja fuq mewt ta’ tifla ta’ 10 snin f’inċident tat-traffiku

Raġel ta’ 31 sena miż-Żurrieq inżamm responsabbli għall-mewt ta’ tifla ta’ 10 snin f’inċident tat-traffiku kien ordnat jagħti lill-familja tagħha €114,057 f’kumpens, li jrid jitħallas minn Mariano D’Amato fuq inċident li kien seħħ fl-4 ta’ Lulju 2010.

D’Amato diġa’ għadda minn proċeduri kriminali dwar il-każ fejn kien ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin li kien seħħ fi Triq Ħal Far, limiti ta’ Birżebbuġa, waqt li kien sejjer fid-direzzjoni tal-Gudja. It-tifla, Nicole Zahra kienet tilfet ħajjitha wara li sofriet minn emoroġija nterna.

Missierha Peter Zahra kien qed isuq Maruti Gypsy u miegħu kellu lil martu Pauline u lil uliedhom Nicole Zahra u Lenise. Il-karozza tal-familja Zahra kienet involuta f’ħabta ma’ Hyundai Accent misjuqa minn D’Amato b’Nicole. Il-familja Zahra fetħet kawża ċivili kontra D’Amato fejn mill-provi rriżulta li dan kien qed isuq b’veloċita eċċessiva wara li kien ilu nofstanhar jixrob l-alkoħol.

Mill-provi rriżulta wkoll li l-vettura ta’ D’Amato kellha magna modifikata mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet u li kien qiegħed isuq bil-150 kilometru fis-siegħa qabel ma ħabat mal-karozza tal-familja Zahra.

L-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonkluda li l-ħabta bejn iż-żewġ vetturi seħħet tort tal-imprudenza tiegħu u għalhekk ikkundannah iħallas lill-familja l-kumpens stabbilit.

Fil-Qorti il-Maġistrat, illum Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qalet li t-tort ma kienx mija fil-mija tal-akkużat. Kienet qalet li missier it-tifla ma kienx qed isegwi sew meta ħareġ minn triq sekondarja meta seħħ l-inċident għall-ħabta tal-9.45pm.

Meta seħħ il-każ, missier it-tifla kien ħareġ mill-ewwel mill-karozza u mar mill-ewwel ħdejn bintu li kienet diġa’ ntilfet minn sensiha. Huwa ħariġha mill-ewwel mill-karozza u dak il-ħin ma deherx li kellha xi ġrieħi viżibbli.

Mara, li kienet għaddejja bil-karoizza, waqqfet mill-ewwel fuq il-post u mill-ewwel marret biex tagħti l-ewwel għajnuna. Ftit wara waslet ambullanza, li ħadet lit-tifla l-isptar fejn hija mietet fis-16 ta’ Lulju, 12-il ġurnata wara l-inċident wara li sofriet minn frattura fl-iskutella ta’ rasha u emoroġija nterna.