Internazzjonali

L-Iżvezja: Mietet Marie Fredriksson, il-kantanta ta’ Roxette

Marie Fredriksson, il-kantanta Żvediża tal-grupp Roxette, mietet fl-età ta’ 61 sena wara snin twal tiġġieled kontra l-kanċer.

Fredriksson u Roxette huma famużi madwar id-dinja għal  kanzunetti bħal The Look; Joyride u It Must Have Been Love li għamlu success kbir matul id-disgħinijiet.

Il-grupp Roxette kien kiseb fama immedjata fl-Iskandinavja matul is-snin tmenin, bil-kanzunetta The Look twittilhom it-triq għall-fama internazzjonali minbarra li kienet l-ewwel waħda tal-grupp li telgħet sal-ewwel post tal-klassifika tal-hits fl-Istati uniti.

Iżda l-akbar success għal Marie Fredriksson u sħabha tal-grupp kien permezz tal-kanzunetta It Must Have Been Love,  li ħarġuha bħala single għall-Milied tal-1987 u li nkitbet mill-ġdid biex tkun inkluża fis-soundtrack għall-film Pretty Woman (1990).

Din il-kanzunetta laħqet il-quċċata tal-klassifiċi popolari f’aktar minn għaxar pajjiżi, b’Roxette anki jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika tal-hits fir-Renju Unit u li jiqba’ l-akbar success għalihom f’dan il-pajjiż.