Futbol Sport

Lionel Messi mhux fl-iskwadra għal kontra Inter

(Ritratt: FC Barcelona)

Lionel Messi tħalla barra mill-iskwadra ta’ Barcelona għall-konfront tal-lum kontra Inter hekk kif Ernesto Valverde għażel li jserraħ lill-istilla tiegħu. Barcelona huma assigurati mill-kwalifikazzjoni kif ukoll ir-rebħ tal-grupp u b’hekk Messi se jkollu ċans jistrieħ qabel il-konfront kontra Real Sociedad is-Sibt li ġej u l-ewwel El Clasico ta’ dan l-istaġun kontra Real Madrid fit-18 ta’ Diċembru.

Minflok, Valverde sejjaħ numru ta’ plejers promettenti mill-akkademja tagħhom, b’Ansu Fati jerġa’ jissejjaħ u Riqui Puig jinsab fl-iskwadra wkoll. Id-difensur ċentrali Ronald Araujo u d-difensur laterali Dani Morer jinsabu f’din l-iskwadra żagħżugħa. Sergi Roberto u Gerard Pique wkoll se jistrieħu u baqgħu Barcelona filwaqt li Ousmane Dembele, Nelson Semedo, Jordi Alba u Arthur se jitilfu l-logħba minħabba li mweġġgħin.

L-assenza ta’ Messi fost l-oħrajn, titqies bħala aħbar pożittiva għal Inter li se jkunu qed jippruvaw jikkwalifikaw illum. Huma jinsabu punti ndaqs ma’ Borussia Dortmund u jgħaddu jekk tal-anqas iġibu l-istess riżultat tal-Ġermaniżi minħabba li għandhom konfront dirett aħjar.