Lokali

Nadine Lia tmexxi l-Inkjesta dwar il-job fantażma ta’ Melvin Theuma

Nadine Lia tieħu l-ġurament tal-ħatra Ritratt: Martin Agius

Għat-tieni darba fi ftit jiem fil-Qorti tqajmu dubji dwar jekk il-Maġistrat Lia għandiex tmexxi inkjesta oħra, din id-darba dwar ix-xogħol fantażma li Kastilja tat lil Melvin Theuma.

Nadine Lia hi l-mara tat-tifel ta’ Pawlu Lia, l-avukat personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat imma wkoll dak tal-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

F’dan il-każ hemm implikat Keith Schembri hekk kif Melvin Theuma, taħt xhieda ġuramentata, iddikjara li tawh job minn Kastilja wara li Keith Schembri sejjaħlu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, offrielu kafe u wara tah tour ta’ Kastilja.

Fid-dawl ta’ dan, l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, iddikjara li bir-relazzjoni familjari tagħha mal-avukat ta’ Keith Schembri, dan hu każ ieħor fejn il-ġustizzja mhix tidher li se ssir.

L-avukat Jason Azzopardi staqsa fejn hi l-imparzjalità u wkoll għaliex l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla stenna sakemm ikun hemm Nadine Lia bħala l-Maġistrat tal-Għassa biex tinfetaħ din l-inkjesta.

Sitt ijiem ilu Nadine Lia kellha tastjeni milli tisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’xi ħaġa li mhux tas-soltu, f’dak il-każ Nadine Lia sabet l-oġġezzjoni kemm tad-Difiża (l-avukati ta’ Yorgen Fenech) kif ukoll tal-Parte Civile (il-familja Caruana Galizia) minħabba l-istess kunflitt ta’ interess.