Internazzjonali

New Zealand: L-inkwiet dwar il-vulkan iżomm lura t-tfittxija għan-neqsin

L-iskwadri speċjalizzati fit-tfittxija għall-persuni nieqsa ma setgħux jirfsu l-art ta’ White Island minħabba l-biża dwar ‘attività ġdida’ mill-vulkan fuq il-gżira. Dan wara l-iżbroff qattiel ta’ nhar it-Tnejn, li biddel il-gżira ‘f’xena simili għal ta’ Chernobyl ( is-sit tad-diżastru nukleari storiku, fl-Ukrajna).’

Filwaqt li ċ-ċifra tal-mejtin telgħet minn ħamsa għal sitta, ħadd ma jaf x’għadda minn tmien persuni fuq il-gżira li ma dehrux aktar meta l-vulkan beda jarmi l-ġmied u d-dħaħen. Dan meta l-pulizija jiddubitaw li se jinstabu aktar nies ħajjin fuq White Island. L-aħħar vittma tal-iżbroff miet l-isptar wara li spiċċa fost aktar minn 30 midruba fuq il-gżira diżabitata, li hi zona popolari għall-ġiti ta’ sightseeing.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, qalet li l-aħħar titjiriet ta’ sorveljanza fuq White Island ma indikaw l-ebda sinjali ta’ ħajja ‘qalb il-koperta tal-ġmied.’ Hi fissret l-iskala tat-traġedja bħala ‘devastanti’ u qalet li t-Tmexxija fi New Zealand ‘qed taqsam in-niket tal-familji li tilfu l-għeżież fl-iżbroff’.

Il-pulizija qalu li kien hemm 47 persuna fuq White Island fil-ħin tal-iżbroff katastrofiku, fosthom 24 ċittadin Awstraljan, disa’ mill-Istati Uniti, ħamsa minn New Zealand, erba’ Ġermaniżi, tnejn miċ-Ċina, tnejn oħra mir-Renju Unit u turist mill-Malasja.

Sadanittant, il-pulizija kkonfermaw li bdiet investigazzjoni dwar l-imwiet fuq White Island iżda għamluha ċara li din mhix inkjesta kriminali.

L-aġenzija GeoNet ( ta’ New Zealand) li tevalwa l-livell ta’ periklu minn aspett ġeoloġiku, f’Novembru, kienet żiedet il-livell tal-allert għall-White Island Volcano wara li rreġistrat żieda fl-attività minn dan il-vulkan.