Lokali

“Pajjiżna ma jiflaħx ikollu mexxejja li jkollhom dell ikrah fuqhom” – MUMN

L-MUMN permezz ta’ stqarrija appellat biex tintrefa’ r-responsabbilità biex is-sitwazzjoni f’pajjiżna tirritorna għan-normal.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel qalet li bis-sitwazzjoni preżenti ta’ pajjiżna s-settur ta’ saħħa se jkun affetwat negattivament, waqt li sostniet li dak li qed jiġri bħalissa ma jistax ikun aċċettat.

Huma qalu li din mhux biss għat-talba tar-riżenja minnufih ta’ Joseph Muscat, iżda li f’Malta jerga’ jkun hawn in-normalità, fost l-oħrajn anki fis-settur tas-saħħa.

L-MUMN tenniet li l-politiċi huma magħżula biex imexxu lill-pajjiż, u l-istess politiċi jridu jkunu ‘l bogħod u ma jridx ikollhom x’jaqsmu mal-investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa.

Ġie sostnut ukoll li pajjiżna ma jiflaħx ikollu mexxejja li jkollhom dell ikrah fuqhom. Id-deal tal-VGH huwa eżempju tipiku fejn żewġ ministri u eks ministru qed jiġu investigati.

L-MUMN qalet li l-ħsara lejn pajjiżna diġà saret, u hemm bżonn li din il-ħsara ma tibqax. In-normalità f’pajjiżna trid tintwera billi Malta turi lill-UE li dawk li qed jaħdmu fl-istituzzjonijiet verament qed iħarsu l-interess ta’ Malta u lill-Maltin.