Lokali

“President, aġixxi” – Prof. Kevin Aquilina

“Għandek dmir kostituzzjonali, legali u morali li taġixxi. Dan huwa dak li l-kostituzzjoni tikkmandak li tagħmel. Dan hu dak li għidt li se tagħmel fil-ġurament tal-ħatra tal-kariga tiegħek. Affarijiet kostituzzjonali ma jistgħux u qatt m’għandhom jittieħdu b’mod leġġer.”

Stqarrija diretta ta’ Kevin Aquilina, il-Kap tad-Dipartiment tal-Media, Komunikazzjoni u Teknoloġija, fl-Università ta’ Malta – fil-konfront tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-President ta’ Malta, George Vella.

Il-Professur Kevin Aquilina sejjaħ l-isqarrija li ħareġ fl-aħħar jien il-President bħala waħda inkwetanti għaliex George Vella qal li ma jista’ jagħmel xejn aktar dwar il-kriżi kostituzzjonali attwali.

Kevin Aquilina fakkar fil-kliem tal-ġurament meta hu inhatar President, u staqsa…. kif qiegħed jippreserva, jipproteġi u jiddefendi l-kostituzzjoni ta’ Malta fil-kriżi kostituzzjonali attwali.. meta ma ħa l-ebda azzjoni?

Sfortunatament, l-istqarrija għall-istampa injorat il-kwistjonijiet riċenti f’Malta, qal Kevin Aquilina fejn staqsa għalfejn l-president qatt ma qajjem kwistjonijiet dwar ir-rule of law waqt diversi laqgħat mal-Prim Ministru.

Il-President ta’ Malta, meta kkritikat dwar dan in-nuqqas ta’ azzjoni, fuq il-programm TimesTalk kien qal ma jħossx li tali kritika kienet iġġustifikata.

Kevin Aquilina allura staqsa “jekk il-president – il-gwardjan tal-Kostituzzjoni – jidher li ma jkunx konxju tal-firxa tal-problemi tas-saltna tad-dritt f’Malta, kif nistgħu nistennew li jwettaq id-dmirijiet kostituzzjonali tiegħu meta għalih il-kritika li tallega li d-demokrazija ta’ Malta kienet taħt theddida kienu inġusti?”

Fl-artiklu tieghu, il-Professur Aquilina irrefera ghal rapporti fil-media illi indikaw li l-Prim Ministru ma jgawdix l-appoġġ tal-grupp parlamentari tiegħu…u stqasa jekk  l-president investigax din l-affermazzjoni.

Huwa seta’ jlaqqa’ lill-grupp parlamentari biex jistabbilixxi jekk id-Deputat Prim Ministru jgawdix aktar appoġġ fil-grupp parlamentari tal-gvern mill-prim ministru. Fakkar kif skont il-kostituzzjoni, il-president jista’ jaħtar u jneħħi prim ministru mill-kariga u m’għandux bżonn il-parir tal-prim ministru jew tal-kabinett biex jagħmel dan.Finalment, hu ddikjara li Joseph Muscat, huwa l-kawża vera tal-kriżijiet li qed nghixu bhalissa f’Malta u tenna li għandu jitneħħa minnufih.