Lokali

Rappreżentat ta’ jobsplus jippreżenta dokument fil-kawża li Yorgen Fenech qed jagħmel kontra Keith Arnaud

Rappreżentant tal-jobsplus ippreżenta dokument fil-Qorti ta’ mara li ma tistax tissemma’ fuq ordni tal-Imħallef Lawrence Mintoff. Dan meta kompliet il-kawża Kostituzzjonali, magħmula minn Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-għan li l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax involut fl-investigazzjoni minħabba skont hu li hemm kunflitt ta’ nteress.

L-Avukati ta’ Fenech u tal-Avukat Ġenerali qablu li l-isem li tissemma’ fih mara ma tissemmiex. Sadanittant il-Qorti staqsiet lid-difiża jekk kienx hemm iżjed xhieda, bir-risposta tkun fin-negattiv u l-każ tħalla għal nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru fejn mistenni jsir ukoll il-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech.

Fl-ewwel seduta li saret f’dan il-każ, Yorgen Fenech qed jimplika li Keith Schembri huwa mdaħħal fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tant li qed jisħaq li għandu recordings ta’ telefonati li jikxfu dan.

Kien qal ukoll li kien ilu żmien twil ħabib mal-eks Chief of Staff Keith Schembri, u li dan kien qed ikun infurmat kontinwament bil-progress tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech saħanistra qal ukoll li kien Keith Schembri li qallu li kien se jsir rejd fit-tinda tal-Patata fil-Marsa, fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Fenech tenna wkoll li l-istess Schembri qallu li l-mowbajl tiegħu kien qed jiġi interċettat u li qed jinsisti li kien Keith Arnaud għadda din l-informazzjoni lil Keith Schembri. Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran filwaqt li f’isem l-Avukat Ġenerali deheru l-Avukati Victoria Buttigieg u Maurizio Cordina.

a