Lokali

Sforzi fil-Partit Laburista biex ikun hemm it-tielet kandidat għall-Mexxej

Fil-Partit Laburista bħalissa għaddej pjan biex ikun hemm it-tielet kandidat fit-tellieqa għall-mexxej flimkien ma’ Chris Fearne u Robert Abela.

Pjan li jekk hu minnu, ser ikompli jkabbar il-gwerra li bħalissa hemm fost dawk li jimmilitaw fil-Partit Laburista. Mhux talli hekk, talli jġiegħel it-tellieqa ssir fuq żewġ stadji separati.

Sorsi li tkellmu mas-sit Lovin Malta qalu li t-tielet kandidat jista’ jkun il-Ministru tat-Trasport Ian Borg li oriġinarjament ħabbar l-appoġġ tiegħu għad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, meta sa dak iż-żmien kien hemm sforzi biex itellaq waħdu biex jgħin biex Joseph Muscat iwarrab b’mod immedjat.

Minn dakinhar, id-Deputat Laburista Robert Abela qal li ma riedx ikun parti minn “patt imxajtan” u ħabbar li se jikkontesta għal mexxej tal-labour.

Jekk ikun hemm tliet kandidati, madwar 750 delegat tal-partit jivvutaw biex jibqgħu tnejn qabel jivvutaw il-membri.

Hemm madwar 10,000 membru li huma eliġibbli biex jivvutaw imma jekk oħrajn iħallsu l-membership dan in-numru jista’ jikber għal 20,000.

Il-kandidati għandhom sa għada filgħaxija jippreżentaw formalment il-kandidatura tagħhom.