Internazzjonali

Sparatura fi sptar fir-Repubblika Ċeka tħalli numru ta’ vittmi

Il-poplu fir-Repubbklika Ċeka jinsab ixxukkjat għat-traġedja li s’issa għadha bla mottiv li seħħet fi sptar fil-belt ta’ Ostrava.

Kmieni t-Tlieta filgħodu, raġel armat qabad jispara fuq persuni li kienu ġo waiting room tal-isptar u qatel sitta. Baqa’ mhux magħruf l-iskop tal-aggressur, li kien qed jaġixxi waħdu, u li  wara li ħarab spara għal rasu.

Il-pulizija li wieġbet għall-emerġenza sabet lis-suspettat mejjet ġo vettura fost xena ddominata mill-paniku tan-nies li qabel kienu qed jiġru ‘l hawn u ‘l hemm f’tentattiv iddisprat biex isalvaw ħajjithom.

L-isparatura seħħet ġo klinika li titratta l-pazjenti bit-trawma, bl-awtoritajiet jordnaw biex sezzjoni tal-isptar tinżamm fi stat ta’ lockdown. Waqt li kienet għaddejja l-isparatura, membri tal-istaff mediku ssakkru f’parti tal-isptar u baqgħu jistennew li jgħaddi kollox. Ħaddiema oħra tal-isptar fittxew il-kenn wara l-vetturi tal-pulizija li waslu fl-inħawi u f’postijiet oħra.

Il-qawwiet għaż-żamma tal-liġi wieġbu għall-emerġenza fi spazju ta’ ftit minuti, b’żewġ ħelikopers tal-pulizija iduru fuq iz-zona biex jassistu fit-tfittxija għar-raġel armat li l-movimenti tiegħu, sa dak il-ħin, ma kinux magħrufa. 

Is-suspettat – li ma kienx identifikat b’ismu – kien raġel ta’ 42 sena (ara tieni filmat b’ritratt tar-raġel) bil-pulizija jirnexxilha tikseb ritratti tiegħu flimkien ma’ dettalji tal-vettura misjuqa minnu.

Il-belt ta’ Ostrava tinsab madwar 300 kilometru lejn il-Lvant ta’ Praga u wara l-attakk, żdiedu r-rondi tal-pulizija fl-inħawi tal-iskejjel, iċ-ċentri kummerċjali u ċ-ċentri mediċi.

Il-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, tkellem wara t-traġedja u kkonferma li tnejn mis-sitt vittmi ma mitux mill-ewwel iżda iktar tard kawża tal-ġrieħi li ġarrbu.Dawn it-tipi ta’ attakki huma pjuttost rari fir-Repubblika Ċeka, għalkemm ammont kbir ta’ Ċeki huma fil-pussess tal-armi tan-nar minħabba l-popolarità tal-kaċċa f’pajjiżhom.