Lokali

Stagno Navarra jaħbi l-kuntratt tiegħu mal-Airmalta

Karl Stagno Navarra mill-ġdid fl-aħbarijiet – il-preżentatur tal-istazzjon Laburista qed jirrifjuta li jagħti informazzjoni dwar il-job tiegħu mal-AirMalta – irid jaħbi mill-media kemm qed idaħħal fil-but.

Kien il-gurnal Times of Malta li talab dan il-kuntratt skont il-Freedom of Information Act; l-istess bħal meta talab il-kuntratt ta’ Kurt Farrugia li qiegħed fit-tmexxija tal-Malta Enterprise.

Skont ir-raġuni li tat l-Air Malta lit-Times, il-kuntratt ta’ Karl Stagno Navarra jinkludi data personali.

L-AirMalta qed iġib skuża li ma tistax tagħti aċċess għall-kopja tal-kuntratt tal-preżentatur hekk kif kien hu stess li ma tax il-permess biex dan isir; fi kliem sempliċi, Karl Stagno Navarra ma jridx juri kemm qed idaħħal fil-but b’dan il-job li ngħata.

Jirriżulta wkoll li skont l-artiklu fil-gazzetta Times of Malta … jekk jagħti aċċess għall-kuntratt tiegħu mal-AirMalta il-kumpanija tkun qed tikser l-obligazzjonijiet tagħha ta’ kunfidenzjalita’ u dan jista’ jħalli riperkussjonijiet fuq il-kumpanija meta tiġi biex tinnegozja kuntratti mal-impjegati…inkluż dawk prospettivi.

Minn naħa tagħha l-gazzetta Times of Malta qed tkompli tinsisti li t-talba tagħha hi fl-interess pubbliku u għalhekk għamlet talba għal investigazzjoni mill-Kummissarju tad-Data, biex possibilment jirrevedi din id-deċiżjoni.

Ikkummenta