Internazzjonali

Stati Uniti: Akkużi formali fil-proċess ta’ impeachment għal Trump

Il-Kumitat Ġudizzjarju tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington ippreżenta akkużi formali kontra l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump — b’dan ikun pass importanti fil-proċess tal-impeachment fil-konfront tiegħu.

L-ewwel artiklu żvelat mill-Kap tal-Kumitat, Jerry Nadler, akkuża lil Trump dwar abbuż ta’ poter u t-tieni artiklu akkużah dwar tfixkil għall-ħidma tal-Kungress.

Il-President Trump hu akkużat b’li żamm lura l-għajnuna lill-Ukrajna għal raġunijiet politiċi domestiċi. Dan meta Trump jinsisti li ‘ma għamel xejn ħażin’  filwaqt li warrab dan il-proċess bħala ‘xi ħaġa li ma tagħmilx sens’.

F’każ li l-Kumitat Ġudizzjarju tal-Kamra tar-Rappreżentanti jivvota, aktar tard din il-ġimgħa, biex japprova l-artikli, dawn għandhom ikunu sottometti lill-kamra t’isfel għal vot sħiħ.

Jekk l-artikli, imbagħad, ikunu approvati mill-Kamra ( li hi kontrollata mid-Demokratiċi) ikun jista’ isir process għall-impeachment tal-President fis-Senat, li jitmexxa mir-Repubblikani . Huwa possibbli l-proċess inkwistjoni jsir fl-ewwel jiem ta’ Jannar.

Il-proċess għall-impeachment tal-President Amerikan beda wara li whistleblower anonimu, f’Settembru, ressaq ilment lill-Kungress dwar telefonata li Trump kien għamel, f’Lulju, lill-President tal-Ukrajna.

F’din it-telefonata, Donald Trump deher li kien qed ‘jorbot’ l-għajnuna militari ta’ pajjiżu lill-Ukrajna ma’ investigazzjonijiet partikulari, min-naħa tal-Ukreni, li setgħu jgħinuh minn aspett politiku.